Madwar 300 ċivili tal-Ukrajna – fil-parti kbira ġurnalisti u attivisti pubbliċi – qegħdin jinżammu f’bini li r-Russi biddluhom f’kumplessi ta’ ħabs u li jinsabu fil-belt ta’ Kherson. Fil-fatt, Kherson kienet fost l-ewwel bliet Ukreni li ġarrbu l-qilla tal-gwerra wara li t-truppi ta’ Vladimir Putin qasmu l-fruntiera lejn l-Ukrajna, fl-24 ta’ Frar li għadda.
Filwaqt li l-gruppi favur id-drittijiet umani – inklużi Amnesty International – qed jinvestigaw sensiela ta’ reati kontra l-bniedem fid-diversi artijiet Ukreni, Tamila Tasheva, ir-Rappreżentanta tal-Presidenza Ukrena għall-Krimea, qalet li hemm ‘il-mijiet sinifikanti’ ta’ priġunieri qalb ir-residenzi okkupati mir-Russi fir-reġjun ta’ Kherson.
Tasheva sostniet li talanqas 600 persuna – fosthom membri tal-istampa – fir-reġjun huma effettivament ‘ostaġġi’ li kapaċi jservu l-interessi tal-militar Russu.
Dawn il-priġunieri, intant, ilhom iż-żmien miżmumin fil-kantini tal-bini li r-Russi ‘attrezzawhom bħala sezzjonijiet ta’ ħabs’ u meta kollox għad jista’ iseħħ minn dawn il-priġunieri.
Ir-Rappreżentanta tal-Presidenza Ukrena għall-Krimea, fl-istess ħin, spjegat li l-priġunieri qegħdin jinżammu taħt kundizzjonijiet inumani u meta mhumiex jonqsu ‘il-perjodi ta’ tortura’ għal dawn in-nies.
Sadanittant, xi ċivili qed jitmexxew mir-reġjun ta’ Kherson lejn il-Penisola tal-Krimea u fejn qegħdin jinżammu bħala ostaġġi jew priġunieri tal-gwerra.
Sar magħruf ukoll li numru ta’ Ukreni li telqu minn Mariupol fl-aħħar jiem spiċċaw arrestati mal-fruntiera amministrattiva mal-Krimea u meta huma, issa, qed jinżammu f’ċentru fl-inħawi ta’ Simferopol.
//= $special ?>