Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri jaħrab milli jwieġeb dwar Iosif Galea

Għaliex Camilleri ma jridx iwieġeb dwar dan il-każ?

Mal-ewwel intopp fil-Ministeru tiegħu, f’inqas minn 3 xhur wara li reġa ġie ri-elett u ħalef li jagħqdi dmirijietu meta reġa’ nħatar Ministru fil-Kabinett ta’ Robert Abela, Byron Camilleri litteralment ħarab mill-mikrofonu ta’ Net News.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jinsab skomdu għall-aħħar biex iwieġeb dwar il-każ surreali ta’ Iosif Galea – il-konsulent tal-gaming u eks ħaddiem tal-MGA li kien ilu sena jiġri f’Malta bil-libertà kollha minkejja li kellu fuq ismu mandat t’arrest Ewropew maħruġ mill-Pulizija Ġermaniża … wara li kien suspettat b’każi ta’ frodi u ħasil ta’ flus.

Sorsi qrib il-ġurnal Times of Malta kienu żvelaw li Iosif Galea kien ġie arrestat mill-Guardia di Finanza waqt li kien fuq btala fl-Italja. 

Kumbinazzjoni … waqt din il-vaganza kien akkumpanjat mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, bl-istess sorsi jispjegaw li din ma kinitx l-ewwel darba li Galea tħalla jsiefer barra minn Malta…u sussegwentament jiddaħħal lura f’pajjiżna bil-libertà kollha…..minkejja li kellu l-mandat t’arrest Ewropew fuq rasu.

Wara li ġie żvelat dan kollu, bosta stqasew kif din il-persuna tħalliet f’din il-libertà kollha, u min kien se jġorr ir-responsabbiltà ta’ dan kollu?

Fl-aħħar jiem Byron Camilleri qal li kien diġà kellem lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, b’dan tal-aħħar jisħaq li kienu se jaħtru investigazzjoni interna. Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista appella sabiex jinħatar bord ta’ investigazzjoni indipendenti sabiex jistharreg dan il-każ – sejha li saret ukoll b’mod qawwi mill-Union tal-Pulizija, l-MPU.

L-Erbgħa filgħodu Net News prova jieħu l-kummenti tal-Ministru Byron Camilleri rigward dan il-każ, fejn eżattament wara konferenza li kien qiegħed jattendi ghaliha, ftehmna li kien se jkun qiegħed jaghtina kumment – prassi normali li ssir f’dan ix-xogħol.

Madanakollu għal xi raġuni l-Ministru Camilleri ħass li ma kellux iżomm kelmtu…

…u minflok, beża mill-mikrofonu biex lebbet ‘il barra lejn il-vettura tiegħu, skomdu milli jwieġeb dwar Iosif Galea; skomdu mir-responsabbiltà li għandu jġorr.

B’rabta ma’ dan kollu Net News kien bgħat e-mail lill-Kummissarju tal-Pulizija fost oħrajn nistaqsu kif din il-persuna ma ġietx arrestata u min kien se jerfa’ responsabbilta…bit-tweġiba tkun li għaddejjin l-investigazzjonijiet.