Lokali Parlament

Il-PBS għandu jkun għas-servizz tal-poplu mhux tal-Istat

Graham Bencini, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li l-PBS għandu jkun għas-servizz tal-poplu mhux tal-Istat.

Fl-Aġġornament tal-parlament Graham Bencini qal li hemm differenza bejn xandir għas-servizz pubbliku li jservi liċ-ċittadin u xandir tal-Istat, li jservi lill-gvern u hu biss mezz ta’ propoganda biex il-gvern jimmanipula lill-poplu. F’Ottubru 2021, il-PBS kien dikjarat minn entità internazzjonali bħala xandir tal-Istat minħabba li l-aspetti editorjali tal-PBS huma kkontrollati mill-gvern. Din hu l-akbar problema li qed jiffaċċja l-PBS.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PBS qed jaqdi biss lill-gvern. Bħala eżempju hu semma’ ċ-ċensura li saret mill-PBS lid-diskors tal-Papa Franġisku dwar il-korruzzjoni. Eżempju ieħor hu l-iżbilanċ politiku favur l-attiviatjiet tal-PL; żbilanċ sfaċċat tant li l-PN kellu jiftaħ kawża kontra l-PBS.

Graham Bencini qal li l-indipendenza tax-xandir pubbliku hi essenzjali għad-demokrazija fil-pajjiż. Hu kompla li fis-sebgħinijiet l-Gvern Laburista kien innazzjonalizza x-xandir pubbliku waqt li wara l-1987 gvern Nazzjonalista illiberliazza x-xandir u daħħal il-pluraliżmu fix-xandir.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern Nazzjonalista kien waqqaf ukoll bord indipenenti. Wasal iż-żmien li jittieħdu passi radikali biex jissaħħu l-istrutturi biex dawn ixandru ġurnaliżmu indipendenti u ta’ ħsieb. Hu qal li l-gvern għandu jagħmel kummissjoni li tistudja b’serjetà s-sitwazzjoni; il-PN lest jagħmel dan.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ s-sitwazzjoni fl-Italja hemm sistemi ta’ stazzjonijiet marbuta ma’ partiti politiċi partikolari. Hu staqsa jekk din is-sistema tagħtix garanzija lill-ilħna ‘l barra mill-partiti politiċi. Hu semma’ wkoll il-mudell tal-BBC u l-mudell Żvediż b’organizzazzjoni ‘l bogħod mill-gvern. Hu appella biex dawn il-mudelli jkunu kkunsidrati biex id-demokrazija tkun imsaħħa.