Il-Bank HSBC Malta u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta dan l-aħħar organizzaw webinar konġunt dwar ‘The Global Economic Outlook 2022’, li ffoka fuq kif l-inċertezza u ż-żieda fil- prezzijiet tal-komoditajiet qed jaffettwaw il-prospetti għall-ekonomija globali. Il-kunflitti u l-kriżijiet umanitarji li qed jiżviluppaw fl-Ewropa u madwar id-dinja kkontribwew
għat-tnaqqis fl-irkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija, żiedu l-pressjoni inflazzjonarja u wasslu għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel. Skont il-projezzjonijiet tal-IMF, it-tkabbir globali se jonqos minn 6.1 fil-mija fl-2021 għal 3.6 fil-mija fl-2022 u l-2023.
James Pomeroy, Ekonomista Globali mal-Bank HSBC f’Londra, qal waqt il-preżentazzjoni tiegħu: “F’dan il-perjodu inċert ħafna, huwa diffiċli li jkollok fiduċja fit-tkabbir globali u n- normalizzazzjoni tal-pressjonijiet inflazzjonarji fi żmien qasir. B’riżultat t’hekk, nistennew volatilità kontinwa fis-swieq. Madankollu, il-prospettiva fit-tul tista’ tkun kemxejn aktar ċara,
peress li l-ekonomija globalment qed issir dejjem aktar diġitalizzata filwaqt li kwistjonijiet ta’ governanza ambjentali u soċjali, jew ESG, jiksbu aktar prominenza.” Jesmond Apap, Kap tas-Swieq ta’ HSBC Malta qal: “Filwaqt li l-prospetti għall-ekonomija globali għadhom inċerti, fuq medda qasira ta’ żmien, in-negozji u l-ekonomiji nazzjonali jridu jsibu mod biex jikkumbattu l-pressjoni inflazzjonarja. Fuq medda itwal ta’ żmien, in-negozji jridu jiffokaw fuq ir-reżiljenza tagħhom u l-politiki tal-gvern għandhom jiffokaw fuq l-indirizzar tal-ħafna kwistjonijiet li qed jaffettwaw b’mod negattiv il-kummerċ globali kif ukoll it-tibdil fil- klima u l-kura tas-saħħa li jaffettwaw ukoll l-attività ekonomika.”
Marisa Xuereb, President tal-Kamra ta’ Malta, qalet: “Malta s’issa kienet kompletament iżolata mill-inflazzjoni tal-enerġija lokali. Madankollu, minkejja l-investiment ta’ pajjiżna biex il-prezzijiet lokali tal-enerġija jinżammu stabbli, l-inflazzjoni bdiet tiżdied u d-distakk bejn ir-rata nazzjonali tal-inflazzjoni tagħna u dik taż-żona ewro qed tingħalaq bil-mod. F’dan il-kuntest, il-punt sa fejn nistgħu ttaffi lilna nfusna mill-pressjonijiet inflazzjonarji mhix biss kwistjoni ta’
sussidju tal-enerġija iżda wkoll kwistjoni ta’ titjib fl-effiċjenza u mbarkament għal trasformazzjoni tal-prattiki tax-xogħol, li nidhru pjuttost riluttanti li nagħmlu. Id-diġitalizzazzjoni u l-awtomazzjoni se jieħdu rwol ewlieni fl-operazzjonijiet ta’ kuljum ta’ ċerti organizzazzjonijiet, u sakemm ma nużawx il-benefiċċji ta’ dawn it-teknoloġiji, se niffaċċjaw ostakli sostanzjali, speċjalment fir-riżorsi umani, li eventwalment se jgħollu l-pagi.”
Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv tal-Kamra ta’ Malta, qalet: “Il-piżijiet tat-trasport li dejjem qed jiżdiedu, in-nuqqas ta’ materja prima u riżorsi, u l-prezzijiet tal-fjuwil u l-elettriku li qed jogħlew huma l-fatturi ewlenin li qed iżidu l-prezzijiet b’mod ġenerali. Il-pożizzjoni ġeografika u d-daqs ta’ Malta huma wkoll parti mill-isfida. Minħabba d-daqs tagħna, l-insularità tagħna u l- periferalità tagħna aħna maqtugħin mis-sistemi tal-ferrovija tal-merkanzija; maħniex imdaħħla
fl-ekosistema tal-kunsinna tat-trakkijiet bieb bieb, u l-għażliet tagħna tal-merkanzija bl-ajru huma estremament limitati. Barra minn hekk, il-frekwenza tas-servizzi tal-merkanzija skedati hi ristretta mill-volumi żgħar tagħna. Fuq livell nazzjonali, in-negozji qed jiġu appoġġjati permezz ta’ diversi sforzi ta’ sussidjar, filwaqt li fuq livell tal-UE, hi meħtieġa aktar sensittività fir-rigward tal-isfidi loġistiċi li jiffaċċjaw in-negozji bbażati f’Malta.”