Raġel minn Ħal Qormi li nhar il-Ġimgħa ġie mixli li weġġa’ gravi lil ħuh, ingħata l-pleġġ fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Allegatament l-inċident seħħ b’daqqa ta’ sikkina waqt argument fuq flixkun ilma. Ignazio Mifsud ta’ 58 sena kien tressaq il-Qorti taħt arrest quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke akkużat li attakka lil ħuh u li kkaġunalu ġrieħi gravi mingħajr intenzjoni li joqtlu.
Meta bdiet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella l-ġenituri tal-akkużat li jiġu wkoll il-ġenituri tal-vittma ddeċidew li ma jixhdux. L-allegat vittma Saviour Mifsud xehed wara li ngħata twissija li jistgħu jinħarġu akkużi kontrih għaliex ikkawża ġrieħi ħfief fuq ħuh.
Huwa qal li qabel dan l-inċident u hu ħuh ma kienux qed jitkellmu għaliex madwar sena ilu kien hemm inċident ieħor bejniethom fejn l-akkużat kien irraporta li Saviour Mifsud kien għamel għalih. Għalkemm il-Pulizija kellmet lil Saviour ma kien sar xejn dwar dak ir-rapport.
Il-vittma xehed li hu daħal fil-kċina biex jixrob u wara li għalaq il-flixkun, dan waqalu fuq il-mejda u hemm inqala’ argument bejnu u bejn ħuh fejn l-akkużat spiċċa mar għalih fil-bitħa u kien hemm li tah daqqa ta’ sikkina. Il-vittma qal li mimli bid-demm ħareġ mexa sal-polyclinic iżda saba magħluqa. Għalhekk mar l-għassa sakemm ittieħed l-isptar b’ambullanza. Surġent tal-Pulizija xehed li meta mar fuq il-post ma sab l-ebda sikkina bid-demm u l-akkużat ikkopera mal-Pulizija.
L-inċident seħħ nhar l-Erbgħa, l-1 ta’ Ġunju filgħaxija bejn is-seba’ u t-tmienja, hekk kif iż-żewġt irġiel kienu qed jieklu. Minbarra l-kundizzjonijiet ta’ depożitu u garanzija personali l-Qorti ordnat lill-akkużat biex jirtira d-dar mhux aktar tard mid-9.30pm u ma joħroġx qabel l-4.30am. u jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija. L-Avukat Ġenerali u l-prosekuzzjoni oġġezzjonaw bil-qawwa kollha għall-pleġġ. L-Avukat Roberta Bonello qed tidher għall-akkużat filwaqt li l-Avukati Rachel Tua u Edmond Cuschieri qed jidhru f’isem il-vittma.
//= $special ?>