Lokali Parlament

L-Ispeaker jitfa’ d-deċiżjoni dwar min jixhed quddiem il-PAC f’saqajn l-istess kumitat

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddeċieda li għandu jsir sforz mill-membri kollha tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex tinsab soluzzjoni dwar min u kif għandu jixhed quddiem l-istess kumitat fil-proċess ta’ skrutinju dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.

Dan ir-ruling tal-Ispeaker ingħata fuq talba tal-Viċi-Kap tal-PN David Agius, li hu wkoll membru tal-PAC wara li l-membri tal-gvern insistew li huma lesti jaċċettaw ix-xhieda li ressqu l-Oppożizzjoni jekk huma jingħataw l-iskopijiet għaliex kull xhud se jkun qed jitressaq quddiem il-PAC.

Din il-pożizzjoni tal-Gvern ġabet reżistenza mill-Oppożizzjoni li sostnew li hu ovvju li x-xheda se jixhdu dwar il-kuntratt tal-Eectrogas u li huma diġà speċifikaw il-linja ta’ xhieda wara li elenkaw il-akriga li għaliha huma kienu se jiġu mistoqsija dwarha.

Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qal li l-Oppożizzjoni indikat ix-xhieda tagħha waqt li l-Gvern talbu lill-Kumitat li għalkemm m’hemmx problemi għax-xhieda kollha, jridu li jingħataw l-iskopijiet għaliex qed jitħarrku.

Hu kompla li għamlet riferenza għal diversi rulings tal-Ispeaker Michael Frendo fosthom dik fl-2010 fejn kien intqal li l-Ordnijiet tal-Kamra jispeċfikaw li l-PAC għandu s-setgħa li jħarrek xhieda b’mandat tal-President. Għalhekk minkejja li hu l-President tal-PAC li jħarrek lix-xhieda jrid ikun il-Kumitat li jiddeċiedi dwar ix-xhieda.

L-Ispeaker sostna li l-kwistjonijiet kollha għal deċiżjonijiet għandhom ikunu deċiżi bil-maġġoranza tal-voti tal-PAC. Għalhekk, l-Ispeaker qal li fin-natura tad-demokrazija parlamentari għandu jintlaħaq ftehim qabel il-PAC mur għall-vot. F’rulings preċedenti inqtal li għandu jsir sforz biex jintlaħaq ftehim.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia sostna fejn ma jkuxn hemm qbil, għandu jkun l-istess PAC li jiddeċiedi jekk ix-xhud għandux jitħarrek quddiem il-Kumitat.