Ivan Attard ta’ 45 sena minn Birżebbuġa li kien jaħdem bħala Tug Master ġewwa l-Freeport ippreżenta protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed jgħid li tkeċċa nġustament u dan permess ta’ sempliċi SMS. Attard qed jgħid li ma ntalabx biex jidher quddiem Bord ta’ Dixxiplina biex jiddeffendi l-każ tiegħu kif jiġri fil-konfront ta’ ħaddiema oħra, anke fl-istess mestjier.
Il-protest sar kontra l-Malta Freeport Terminals, il-Malta Dockers Union u Loris Scardino fejn qed izzommhom responsabbli għad-danni kollha li huwa sofra u għadu jsofri. Attard huwa persuna li jsofri minn diżabbilità u li iżda ma timpedihx milli jagħmel xogħolu. F’dan il-każ intervjeniet ukoll il-Kummissjoni dwar Persuni b’Diżabilità li ġiet ukoll injorata, jgħid il-protest.
Huwa qal li ilu snin jaħdem bħala Tug Master il-Freeport liema xogħol ikun assenjat lilu mill-Malta Dockers Union. Tenna li bejn l-20 u l-21 ta’ Marzu li għadda rċieva SMS mill-Malta Freeport u mibgħut minn Loris Scardino li huwa uffiċjal dwar l-infurzar fit-terminal tal-Freeport. Permezz tal-SMS kien arbitarjament infurmat li tkeċċa mix-xogħol u prekluż milli jidħol fit-Termimanl ta-Freeport u għalhekk tilef ix-xogħol tiegħu.
L-unika raġuni li Attard issuspetta li setgħet ikkaġunat din il-miżura drastika kienet illi kif jagħmlu bosta xufiera bħalu, bidel it-trakk li kien allokat għalih waqt li jkun xogħol fl-istess Terminal. Din il-prassi ġeneralment tkun segwita b’sempliċi warning kif qal li jistgħu jixhdu ufiċjali tal-Malta Dockers Union, kif ukoll xufiera kollegi tiegħu.
Minkejja dan kollu,, ikompli jgħid il-protest speċifikament Scardino lanqas biss aċċetta li Attard jingħata smiegħ permezz ta’ Bord tad-Dixxiplina kostitwit ad hoc dwar każi simili, iżda baqa’ jinsisti fuq tkeċċija arbitrarja li qed tikkawża tbatija kbira lilu u lil familtu.
Attar minn hekk huwa qal li saħansitra fuq il-każ tiegħu intervjenti il-Kummissjoni dwar Persuni b’Diżabilità, liema diżabilità tiegħu pero ma taffettwahx fuq xogħolu bħala tug master isuq it-trakk. Minkejja dan baqa’ ma sar xejn u baqa’ jiġi rifjutat li ssir seduta quddiem Bord ta’ Dixxiplina, anke minkejja li saret rakkomandazzjoni mill-istess Kummissjoni.
Il-protest jgħid ukoll li kuntrarjament għal każi simili, l-istess Dockers Union naqqset li tassigura smiegħ xieraq sabiex jidher, jisma’ u jkun jista’ jiddeffendi ruħu fuq kull allegazzjonijiet li setgħu saru fil-konfront tiegħu. Qal ukoll li wara li rċieva SMS fejn ġie informat li tkeċċa, obda mill-ewwel u ħareġ mit-Terminal area.
Kompla jgħid li anke f’dan il-punt Scardino ma kienx kuntent. Tant li mar personalment jirrapportah l-għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa li allegatament bil-vettura tiegħu stess laqat barrier tal-ħadid li hemm mad-dħul u l-ħruġ tat-terminal.
Attard qal li kieku din l- allegazzjoni kienet minnha, aktar kien jagħmel ħsara lill-vettura tiegħu milli l-istess barrier. U minkejja li ma ġiet innutata l-ebda ħsara u lanqas ma kienet irrappurtata mill-itess Pulizija li għamlu r-rapport. Finalment Attard qal li huwa għadu jitlob għal smiegħ xieraq u li tali atteġġamanent mhux denju li jseħħ meta ninsabu fis-seklu 21 meta suppost qed ngħixu f’soċjeta li tagħti d-drittijiet lill-ħaddiema. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukat David Gatt.
//= $special ?>