Fil-jum tal-Ħamis komplew joħorġu aktar dettalji dwar il-każ tal-attakk li seħħ f’Berlin, fejn raġel saq il-karozza tiegħu b’veloċità minn qalb folol tan-nies li kienu fiċ-ċentru tal-kapitali Ġermaniża.
Ir-raġel ta’ 29 sena li huwa ta’ dixxindenza Armena u li qed jingħad li mhux mentalment stabbli qed jinżamm taħt arrestat mill-pulizija. U kull possibbiltà li dan kien attakk teroristiku kull ma jmur qed tiġi miċħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi.
Dan il-kaz ħalla fatalità waħda, filwaqt li weġġgħu ‘l fuq minn 30 persuna fosthom 14-il student li kienu mal-għalliema li nqatlet.
L-inċident seħħ viċin ħafna ta’ fejn terrorista Iżlamiku tal-ISIS, fl-2016, kien saq bi trakk għal fuq in-nies li kienu qed jattendu Christmas Market – fejn kien spiċċa joqtol 12-il persuna.
It-terrur tal-aħħar sigħat ikkonċentra fi triq iddominata bil-ħwienet u l-kafeteriji.
Ix-xhieda fl-inħawi qalu li raw il-karozza misjuqa b’veloċità lejn bankina u sekondi wara bdiet tolqot persuna wara l-oħra. Is-sewwieq imbagħad reġa’ niżel fit-triq u saq għal distanza qasira, qabel tela’ mill-ġdid fuq il-bankina fejn kompla jtajjar lin-nies li ma setgħux iwarrbu min-nofs. Dan sakemm il-karozza baqgħet dieħla fi stabbiliment li jbiegħ il-fwieħa, fejn baqgħet imwaħħla sakemm intervjenew in-nies u żammew lis-sewwieq.
//= $special ?>