Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għat-Trasport, Mobilita’ u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia u mill-Kelliema għall-Artijiet u drittijiet tal-konsumatur Rebekah Cilia, il-Partit Nazzjonalista qal li ftit tal-ġranet ilu smajna bl-allegat skandlu ta’ tbagħbis fil-mileage ta’ karozzi second hand impurtati mill-Ġappun. Dan it-tbagħbis sar biex il-konsumatur jingħata l-impressjoni li l-karozza hija inqas użata milli verament hi.
F’dan kollu nistgħu naraw numru ta’ nuqqasijiet mill-awtoritajiet konċernati li wasslu għal dan il-qerq. Fil-ġranet wara li ħarġet l-istorja, kienu bosta nies li ndunaw li ġew migduma f’dan l-iskandlu, u bir-raġun qed jaraw kif jistgħu jiġu kumpensati. Id-diskrepanza fil-mileage ivarja minn ftit eluf sa numri li jilħqu l-mitt elf kilometru.
Bħala Partit Nazzjonalista nappellaw lill-awtoritajiet biex filwaqt li jittieħdu l-passi legali, kif titlob i-liġi, għandha tinstab soluzzjoni ġusta u vijabbli għal min sofra b’dan l-allegat frodi.
Għal ħafna il-karozza hija t-tieni l-akbar investiment/nefqa f’ħajjithom.
Min-naħa tiegħu l-gvern irid jaċcerta li ssir analiżi profonda u bidla sħiħa fis-sistema amministrattiva għax hemm wisq xquq. U fl-aħħar mill-aħħar qed ibati biss iċ-ċittadin.
//= $special ?>