L-atteġjament li dan il-Gvern qed jimxi bih ser ikompli joħloq problemi fost l-infermiera u l-qwiebel li għal darb’oħra qed ikunu stmati ħażin minn dan il-Gvern li ma jridx jisma’ t-talbiet li għandhom.
Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għax-Xogħol u s-settur Marittimu Ivan Castillo, mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri u mill-Kelliem għall-Kura Primarja u Saħħa Mentali Ian Vassallo, qal li filwaqt li minn dejjem kien minn ta’ quddiem sabiex ipoġġi lill-ħaddiema fis-settur mediku fuq quddiem tant li kien ippropona fond ta’ €40 miljun biex jitqassmu fost il-frontliners, mill-banda l-oħra qed naraw Gvern arroganti li lanqas biss irrisponda għall-emails tal-MUMN u wisq inqas aċċetta li jiddiskuti t-talbiet li ipproponiet l-istess Union.
Talbiet li huma simili għal dawk magħmula minn Unions oħra f’setturi differenti anke fil-qasam tas-Saħħa iżda li apparentament m’humiex aċċettabbli li jsiru mill-MUMN.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan l-atteġġjament arroganti u ras iebsa min-naħa tal-Gvern ma dawk li sa ftit ġimgħat ilu sejjaħnilhom eroj, se jġib biss tbatija fuq il-pazjenti u dwejjaq fost dawn il-ħaddiema li jridu jagħtu servizz.
Minflok ifittex it-triq tar-raġuni u l-buon sens, il-Gvern qed jiddetta dak li jrid hu bil-konsegwenza li iktar infermiera u qwiebel qed ifittxu xogħol barra minn xtutna. Il-kundizzjonijiet li qed jaħdmu fihom dawn il-ħaddiema mhux qed jattiraw talent ġdid f’dan is-settur li jeħtieġ almenu mas-600 impjegat ieħor.
Jidher ċar, li l-Gvern mhu jagħmel xejn biex jindirizza din is-sitwazzjoni allarmanti. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dawn il-ħaddiema jixirqilhom ferm u ferm aħjar.
//= $special ?>