Lokali

“Hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet kuraġġużi li ma jistgħux jistennew” – Bernard Grech

Il-Kap tal-PN indirizza l-Konferenza Nazzjonali 'L-Istat tan-Nazzjon'

“Quddiem ir-riżultat tal-istħarriġ xjentifiku hemm bżonn deċiżjonijiet kuraġġużi. Deċiżjonijiet li ma tantx jistgħu jistennew aktar. Importanti li kull min hu fdat b’responsabiltà ma jabdikax minnha.” – Din kienet id-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’diskors li għamel fit-tmiem tal-Konferenza Nazzjonali bit-tema ‘L-Istat tan-Nazzjon.’ Il-Kap tal-PN saħaq li daħal fil-politka biex jara li jtejjeb l-kundizzjonijiet tal-ħajja tas-soċjetà kollha, “hekk determinat u hekk se nkompli nagħmel.”

Bernard Grech tkellem dwar ir-riżultati li ħarġu mill-istħarriġ xjentifiku li sar għal din il-konferenza nazzjonali – it-tieni wieħed tax-xorta tiegħu, u li jixħet dawl fuq min aħna bħala poplu, u kif naħsbuha dwar diversi temi differenti. Stħarriġ illi wera fost l-oħrajn kif terz tal-Maltin u l-Għawdxin għadhom iduru fuq il-politiċi għall-pjaciri.

Il-Kap tal-PN qal li “il-poplu qed jistenna li nkunu maturi nieħdu deċiżjonijiet li hemm bżonn u nġibu bidla li tant hi meħtieġa. Hekk biss nistgħu nassiguraw li f’edizzjoni oħra ta’ din il-konferenza, niġu u nirreġistraw titjib.”

Matul id-diskors tiegħu, Bernard Grech iffoka fuq diversi xejriet li ħarġu mill-istħarriġ tal-istat tan-nazzjon fejn b’mod partikolari, tkellem dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja, il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa mentali, il-kultura, iż-żgħazagħ u l-ġustizzja.

Dwar l-għoli tal-ħajja, Bernard Grech qal li din hija “problema prinċipali fil-preżent u li qed iħoss kulħadd. Problema li qed tnaqqas il-kwalitá tal-ħajja. Qed naraw nies ibiddlu l-istil ta’ ħajja tagħhom biex ikunu jistgħu jibqgħu għaddejin b’ħajjithom.” Hu saħaq li bħala pajjiż ma nistgħux inħallu l-għoli tal-ħajja jkompli jħalli l-impatt devastanti li qed ikollu fuq l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjeta’ tagħna.

Il-Kap tal-PN saħaq li ma nistgħux nikkuntentaw billi nagħtu l-minimu possibbli lin-nies u ddikjara li rridu nerġgħu nsawru l-klassi medja f’Malta, u nwaqqfu l-mewġa ta’ familji li jgħixu għomorhom fil-faqar u jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra. “Nafu li din il-problema qiegħda madwar id-dinja kollha, iżda din ma għandix tkun l-iskuża li għandha twaqqafna milli naġixxu dwarha. Irridu li l-poplu tagħna jkollu kwalitá ta’ ħajja tajba.” qal Bernard Grech.