L-attakki bla waqfien mill-armata Russa qed ikomplu fuq il-belt ta’ Severodonetsk, b’konsulent tal-uffiċċju Presidenzjali Ukren qal li l-forzi Russi bidlu t-tattiċi tagħhom. Dan hekk kif is-suldati Russi rtiraw minn din il-belt u qed jattakkaw mill-ajru.
L-impjant kimiku ta’ Azot li jinsab f’din il-belt, spiċċa bbumbardjat darbtejn fi ftit sigħat mill-Armata Russa – impjant li fih kien hemm madwar 800 ċivili; 200 impjegat u 600 resident. Matul dan il-bumbardament intlaqtu wkoll minn tal-inqas żewġ imħażen.
Il-Gvernatur ta’ Luhansk qed ibassar li Severodonetsk mistennija tkun libertata mir-Russi fi ftit jiem. Filwaqt li l-ġlied qed ikompli, huwa qal li s-sitwazzjoni mistennija tijieb ladarba jirċievu artillerija li tintuża għal distanzi itwal.
Din il-gwerra qed tkompli taħsad il-ħajja ta’ bosta nies innoċenti. U sar maghruf ukoll illi wara li x-xahar li għadda r-Russi ħadu kontroll totali tal-belt ta’ Mariupol, instabu madwar 100 katavru mirduma taħt il-bini.
Hu mahsub illi f’Mariupol inqatlu minn tal-inqas 21,000 persuni ċivili. Din il-belt ta’ importanza strateġika kienet kontinwament attakkata mill-forzi Russi, iżda żammet kontroll għal xhur sħaħ u saret simbolu tar-reżistenza Ukrena – simbolu wkoll ta’ waħda mill-agħar tbatjiet tal-pajjiż matul din il-gwerra.
Intant, żagħżugħ kien deskritt bħala eroj meta uża d-drone personali tiegħu biex jgħin lill-armata Ukrena tillokalizza u teqred konvoj ta’ vetturi militari Russi li kien qed joqrob lejn il-belt ta’ Kiev.
Wara li ż-żgħażugħ ta’ 15-il sena ħa d-drone tiegħu f’għalqa fil-qrib, bagħat il-coordinates ta’ fejn kien jinsab dan il-konvoj u bagħat id-dettalji kollha lid-difiża territorjali. Dan wassal biex il-konvoj seta’ jitwaqqaf milli joqrob lejn din il-belt.
U hekk kif din il-gwerra qed tkompli tippersisti, il-President Ukren Volodymyr Zelensky wissa li miljuni ta’ persuni se jispiċċaw imutu bil-ġuħ minħabba l-imblokk tal-Baħar l-Iswed mir-Russi. Dan hekk kif l-Ukrajna, li hija waħda mill-fornituri ewlenin tal-ikel fid-dinja, bħalissa ma tistax tesporta qamħ, żejt u bosta prodotti oħra… bid-dinja tinsab fix-xifer ta’ kriżi terribbli tal-ikel.
//= $special ?>