Is-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow, tard ilbieraħ filgħaxija ġie attakkat minn persuni. Dan wara li ġibed l-attenzjoni li dawn il-persuni ma setgħux jaqdu l-bżonnijiet naturali tagħhom fuq il-blat fil-pubbliku.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava f’post fuq il-media soċjali qal li s-Sindki u l-Kunsilliera qed jagħtu minn ħinhom sabiex itejbu l-lokalitajiet tagħna u ta’ dan għandu jingħata lilhom kull rispett. Huwa temm il-post tiegħu billi kiteb li min ma jafx jaġixxi ta nies fil-pubbliku, postu mhux fit-triq.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-attakk vjolenti fuq is-Sindku ta’ Tas-Sliema.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darreb Carabott u mill-President tal-Kulleġġ Kunsilliera Charles Bonello, il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-attakk vjolenti fuq is-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow meta kien qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu fil-lokalitá. Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ u jistenna li tittieħed azzjonijiet meħtieġa bl-iskop li ssir ġustizzja mal-vittma ta’ dan l-attakk.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi wkoll solidarjetá mas-Sindku u jisħaq għal aktar rispett lejn il-karigi tal-Awtoritajiet lokali u Reġjonali. Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li jirrikonoxxi l-ħidma imprezzabbli ta’ dawn il-persuni eletti demokratikament mill-poplu, jappella lill-Gvern sabiex jagħti sinjal ċar ta appoġġ u fiduċja f’dan il-livell ta demokrazija f’pajjizna billi mhux biss jara li jsiru l-investigazzjonijiet kollha necessarji u tittieħed azzjoni iżda wkoll li joffri protezzjoni xierqa lil dawn il-persuni eletti.
Finalment, il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lis-Sindki, Viċi Sindki u Kunsillieri Lokali għall-ħidma kollha li jwettqu ghall-ġid tal-komunitajiet taghhom u jħeġġiġhom sabiex ma jħallu lil xejn u lil ħadd jaqtalhom qalbhom.
//= $special ?>