Lokali

“L-edukazzjoni trid tkun mezz li biha t-tfal tagħna joħolqu l-kurrent u mhux jinġarru minnu” – Roberta Metsola

Roberta Metsola qalet li "hija llużjoni li naħsbu li t-tagħlim tal-lum qed jipprepara lit-tfal għad-dinja ta’ għada”

“L-edukazzjoni m’għandix tkun it-tgħalim ta’ affarijiet li diġa nafu, irridu inkunu kreattivi biex it-tfal joħolqu affarijiet ġodda. L-edukazzjoni trid tkun mezz li biha t-tfal tagħna joħolqu l-kurrent u mhux jinġarru mill-kurrent.” – Hekk saħqet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta kienet qed tindirizza l-Konferenza Nazzjonali bit-tema ‘L-Istat tan-Nazzjon’.

Matul l-intervent tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew stqarret li “l-istat tan-nazzjon jiddependi fuq dak li nagħmlu kuljum, fejn l-iżvilupp tat-tfal ikun jista jsir biss, jekk nagħmlu bidliet għaqlin mil-lum.” Roberta Metsola qalet li din hija tema importanti għaliex ir-riżorsa umana hija l-akbar riżorsa li għandu pajjiżna.

L-MEP tal-PN stqarret li l-istat tan-nazzjon jiddependi mid-deċiżjonijiet li nieħdu imma għamlet aċċen partikolari għall-edukazzjoni tat-tfal. Hi spjegat kif il-pandemija ħolqot ħafna tibdil li għadu għaddej sal-lum. Filwaqt li rringrazzjat lill-edukaturi tax-xogħol tagħhom, Metsola qalet li dawn jaqsmu magħha ħsieb komuni, dak li s-sillabu huwa vast u jrid isir f’qasir żmien. Fattur li ma jħallix spazzju biex it-tfal jimirħu f’affarijiet oħrajn u dan qed joħloq problemi fil-kreattività.

Meta kienet qed tindirizza l-ftuħ ta’ din il-konferenza nazzjonali li saret għat-tieni sena konsekuttiva, Roberta Metsola qalet li “jeħtieġ li wliedna jkunu preparati u jkunu ħassieba kritiċi fejn jiddistingwu bejn l-informazzjoni li jkollhom quddiemom.” Hi tkellemet fuq l-importanza li t-tfal Maltin u Għawdxin jkunu mħarrġa jevalwaw u jagħmlu analiżi kostruttiva, mibnija fuq argumenti, prinċipji u mhux fuq il-kuluri ta’ partit jew ieħor, “hekk jissaħħaħ l-istat tan-nazzjon għaliex hija llużjoni li naħsbu li t-tagħlim tal-lum qed jipprepara lit-tfal għad-dinja ta’ għada u għax-xogħol.”

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li jeħtieġ li inwaqqgħu l-barrieri, u naċċertaw li wliedna jiffurmaw opinjoni mingħajr xkiel u biżgħa.

Intant, matul din il-Konferenza Nazzjonali pparteċipa wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino waqt panel bit-tema ‘Sport, politka u qaddisin: X’kulur Int?’ Michael Piccinino qal li l-partiti politiċi għandhom ikunu vejikolu sabiex in-nies jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, u ddeskriva dan bħala obbligu li kull politku għandu jżomm quddiem għajnejh. Is-Segretarju Ġenerali tal-PN saħaq li partit li jkun fl-Oppożizzjoni għandu l-obbligu li l-ħazin jghidlu ħażin, it-tajjeb jgħidlu tajjeb u fejn hemm nuqqas joffri soluzzjoni għaliex fl-aħħar mill-aħħar dik hija d-differenza bejn il-partiti.