Is-Supretendent tal-Pulizija li qed imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia esebixxa l-lista kompluta tal-perrsuni intervsiatti fl-investigazzjoni li huwa mexxa fuq ordni tal-Qorti. Huwa ġie ordnat ukoll biex fis-seduta li jmiss juri lill-avukati li qed jiddefendu lil Yorgen Fenech, lista tal-individwi kollha li l-pulizija kienet talbet data tat-mobike għalihom, fl-ewwel jiem tal-investigazzjoni. Fenech qed jiġi akkużat li kkonfoffa biex tinqatel il-ġurnalista fis-16 ta’ Ottubru tas-sena 2017.
Is-Supretendent Keith Arnaud (ritratt) kien imsejjaħ għall-fuq il-pedana tax-xhieda mill-avukati ta’ Yorgen Fenech, f’kawża kostituzzjonali li fiha Fenech qed isostni li l-pulizija naqset milli tagħtih l-iżvelar sħiħ tal-provi kontrih fil-ħin tal-arrest tiegħu.
Fil-bidu tas-seduta tal-Ħamis quddiem l-Imħallef Audrey Demicoli, is-Supretendent esebixxa lista sħiħa tal-persuni intervistati mill-pulizija bħala parti mill-investigazzjoni tal-qtil, bi tweġiba għal talba li qabel kienet ippreżentata mid-difiża.
L-avukati ta’ Fenech staqsew dwar jekk l-Malta Security Services (MSS) poġġewx id-dar ta’ Mario Degiorgio taħt sorveljanza bil-video. “Hekk hu”, qal ix-xhud, li spjega li Melvin Theuma kien imur ta’ spiss hemmhekk. Huwa qal li s-sorveljanza ma wasslitx informazzjoni addizzjonali. “Kulma konna naraw huwa li Melvin imur għand Degiorgio iġib jew ikel jew flus…”
L-avukat staqsa jekk jiftakarx jekk dan il-metodu ta’ sorveljanza kienx intuża fuq persuni oħra bħala parti mill-investigazzjoni, b’mod partikolari Melvin Theuma. “Jekk kien hemm, kien b’mod iżolat ħafna, imma ma niftakarx li kien hemm,” wieġeb Arnaud. “Sa fejn naf jien kien biss fuq Mario Degiorio. Fl-2018 il-persuna ewlenija ta’ interess għall-investigazzjoni] kienet Melvin Theuma.”
Mercieca kompla jistaqsi dwar l-estrazzjoni ta’ apparat u ritratti forensiċi ta’ apparati li kienu nġabru waqt l-investigazzjoni tal-pulizija, iżda li ma ġewx esebiti fl-inkjesta. L-avukat issuġġerixxa li fl-2019, il-pulizija diġà kellha kopja tal-mobile ta’ Fenech bħala parti mill-investigazzjoni tal-qtil, iżda Arnaud ċaħad dan.
“Dak li ġara hu li kellna l-Europol maħtura bħala esperti fl-inkjesta u mill-ewwel konna tlabna li jgħaddulna kull informazzjoni utli li kienu estratti s’issa… ladarba kellhom aċċess għall-apparati, malajr għaddewna dak li setgħu, b’mod parzjali l-estrazzjonijiet.
Il-bqija ħaduh lura f’The Hague biex iwettqu estrazzjonijiet sħaħ u mbagħad għaddewhom lilna.” L-Avukat Mercieca issuġġerixxa li l-mobile ta’ Fenech u d-data tiegħu ma kinux esebiti fl-inkjesta, iżda d-data estratta kienet diġà fil-pussess tal-pulizija għall-aħħar ta’ Novembru 2019.
“Iva kelli estrazzjoni parzjali mill-Europol, iżda ma kinitx parti mill-investigazzjoni. Ġiet mogħtija direttament lili. Ma nafx id-dati eżatti.” Mercieca qal li dawn l-esperti kienu xehdu li l-mobile kien fil-pussess tagħhom fl-2020. Arnaud wieġeb li ma jiftakarx jekk kienx fil-pussess tiegħu qabel l-arrest ta’ Fenech, iżda ta direzzjoni lill-avukat għax-xhieda li kien ta qabel, meta l-memorja tiegħu kienet aktar friska.
Il-mobile li nqabad mid-dgħajsa ta’ Yorgen Fenech ingħta lill-espert tal-qorti
“Il-mobile inqabad mid-dgħajsa ta’ Yorgen Fenech u ngħata direttament lill-espert tal-qorti. Wara dan ingħata direttament lill-Europol,” spjega l-investigatur. Iktar tard l-Europol kien għaddiha lil Arnaud. “F’seduta tad-19 ta’ Diċembru 2019, inti kont irreferiet għal perjodu qabel it-tressiq ta’ Fenech f’Novembru 2019, li matulu kellek estrazzjoni tad-data tal-mobile tiegħu fil-pussess tiegħek.
Liema data oħra tal-mobile kellek fil-pussess tiegħek?” staqsa Mercieca. Arnaud wieġeb li kien eqreb lejn Jannar 2020 li kellu aktar data fil-pussess tiegħu. Kien madwar iż-żmien meta twaqqaf it-Task Force u f’dan iż-żmien kellu estrazzjonijiet oħra f’idejh.
Mercieca kompla u ssuġġerixxi li l-middleman Melvin Theuma, li ammetta li kien involut fil-qtil ta’ Caruana Galizia kien diġà għadda r-recordings tal-vuċi tiegħu lill-pulizija fil-ħin tal-arrest ta’ Fenech. Dan ikkonfermahy Arnaud li qal li fil-fatt kellu erba’ jew ħames recordings ta’ Fenech li semagħhom fil-preżenza tal-avukati tiegħu.
L-Avukat Mercieca elenka numru ta’ apparati li dak iż-żmien kellhom fil-pussess tagħhom il-pulizija, fejn staqsa jekk Arnaud kienx jaf b’oħrajn. Arnaud qal li fl-istess jum tal-arrest ta’ Theuma, uħud mill-membri tal-familja tiegħu u Edgar Brincat kienu ġew arrestati wkoll u eventwalment ġew mgħoddija lilu l-estrazzjonijiet tad-data tat-telefon tagħhom.
Iżda dak iż-żmien, kienet qed tingħata prijorità biex jinstabu r-recordings li l-pulizija kienet taf li kellu Theuma. L-uffiċjal ikkonferma fil-Qorti li ma kellux fil-pussess tiegħu ebda apparat elettroniku ieħor relatat mal-investigazzjoni. L-avukat staqsa wkoll lil Arnaud dwar id-data tal-mobile miġbura bħala parti mill-investigazzjoni.
Wara li rċieva direzzjoni mill-qorti, Arnaud spjega kif fl-ewwel ftit jiem wara l-qtil, il-pulizija kienet “mitlufa” u kienet talbet data dwar is-sejħiet dwar diversi individwi bħala parti mill-investigazzjoni. Dawn l-individwi iżda nstabu li ma kellhom ebda sehem fil-qtil u sussegwentement, din il-linja ta’ inkjesta ġiet sostitwita minn evidenza fuq ix-xena tad-delitt, qal is-Supretendent.
Arnaud rreżista t-talba tal-avukat biex jgħaddi din id-data mormija. “M’inix komdu li ngħaddi informazzjoni relatata ma’ partijiet terzi li ċċekkajna fuqhom fl-ewwel jiem tal-investigazzjoni tagħna u li nstabu li ma lellhomx x’jaqsmu aktar ‘il quddiem.” L-imħallef irrimarkat wkoll li jekk isir dan jista’ wkoll jikkostitwixxi ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.
Mercieca jitlob aċċess tal-lista ta’ dawk mitkellma
Mercieca ssuġġerixxa lis-Suprentendent jiġi ordnat jesebixxi lista tal-ismijiet ta’ dawk li ġew mitkellma, iżda dan is-suġġeriment twaqqaf mill-Imħallef, li rrimarkat lill-avukat li kien ċar li din id-data inkwistjoni ma ntużatx aktar, peress li dawn in-nies ma kellhoxm x’jaqsmu fl-investigazzjoni.
L-avukat iżda saħaq li dan l-eżerċizzju kellu jsir mill-qorti nnifisha u mhux mill-uffiċjal investigatur, filwaqt li rrimarka li l-ilment oriġinali tal-klijent tiegħu kien jittratta n-nuqqas ta’ żvelar ta’ evidenza. Fid-dawl ta’ dan, il-qorti ordnat lis-Supretendent Arnaud jesebixxi din l-informazzjoni animo ritirandi (temporanjament qabel ma tiġi rritornata), f’lista ssiġillata, aċċessibbli biss għall-qorti u l-avukati tal-partijiet.
Is-Supretendent qal li se jsegwi l-ordnijiet tal-Qorti, iżda saħaq li l-pulizija kienet diġà esebit l-evidenza kollha li kienet rilevanti għall-investigazzjoni. “Dawk il-persuni li ġew mistħarrġa fl-ewwel jiem assolutament ma dehru imkien ieħor fl-investigazzjoni.
“Il-bqija tal-evidenza ma implikatx partijiet terzi, u lanqas ma eżonorat lill-akkużat,” spjega l-investigatur. L-avukati ta’ Fenech kienu riedu wkoll li jixhed il-kap tas-Servizzi tas-Sigurtà ta’ Malta (MSS), iżda l-kap tal-MSS kien wieġeb fis-sens li ma setax jagħmel dan.
L-Avukat Mercieca qal lill-Qorti li għadu mhux qed jitlob lill-MSS biex tagħti informazzjoni dwar il-kontenut tal-interċettazzjonijiet, iżda biss dwar min kien qed iċempel lil min u meta. “Qed nitlob biss informazzjoni li għandna dritt għaliha.
Imma li jgħidilna, ab initio (mill-bidu), li mhux se jikkonforma, jgħidilna li għandu carte blanche biex jagħmel li jrid.” L-Avukat tal-Istat Maurizio Cordina sostna li l-kawżi kostituzzjonali li Mercieca kien ikkwota biex isostnu din it-talba kienu jittrattaw biss l-esebizzjoni ta’ mandati li għandhom x’jaqsmu ma’ ‘phone taps’ u mhux fuq il-“phone taps” infushom.
“Hawn se nidħlu f’territorju li jista’ jxekkel ix-xogħol tal-MSS,” wissa l-avukat. Il-qorti qalet lid-difiża biex tagħmel it-talba tagħha fil-forma ta’ rikors fil-qorti, u wara tiddeċiedi fuq il-kwistjoni. Il-każ ikompli f’Lulju
//= $special ?>