Lokali

‘L-Istat tan-Nazzjon’ – Iż-żgħażagħ u l-anzjani jaħsbuha differenti dwar il-politka u r-reliġjon

Iż-żgħażagħ u l-anzjani Maltin għandhom viżjonijiet totalment differenti dwar diversi aspetti u temi li direttament jolqtu lill-poplu Malti. Sitwazzjoni li toħroġ biċ-ċar b’mod partikolari fejn tidħol il-politka, ir-reliġjon u l-istil ta’ ħajja – Huma dawn, ftit mill-ħafna statistika interessanti li ħarġet minn stħarriġ xjentifiku li sar għat-tieni darba f’pajjiżna. Stħarriġ li ħa ħsiebu l-Istatistiku Vincent Marmara. L-istħarriġ sar fost ftit iktar minn 1,000 persuna li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena.

Id-dettalji kollha ħarġu waqt it-tieni edizzjoni tal-Konferenza Nazzjonali, organizzata mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta George Vella, l-Istat tan-Nazzjon. Fiha fost l-oħrajn kienu diskussi temi bħall-Ambjent, il-Media, il-Korruzzjoni, l-Apparat tal-Istat, u t-tendenza Maltija li l-poplu jħares lejn materji u binarji b’mod oppost.

Fid-diskors tiegħu, il-President qal li permezz tal-istħarriġ qed jiġu identifikati oqsma li fuqhom irridu naħdmu b’mod kollettiv biex intejjbu l-ħajja u l-għaqda nazzjonali.” George Vella spjega li dan ir-ritratt tal-Malti se jkun riżorsa bżonjuża għas-snin li ġejjin. Il-President stqarr li t-temi u s-suġġetti huma maħsuba fuq dak li sirna nafu dwarna nfusna s-sena li għaddiet fejn hu interessanti li wieħed iħares lejn l-iżviluppi u l-impatt fuq kif jaħsbuha ċ-ċittadini. Hu spjega li fuq kollox, kompla joħroġ biċ-ċar li s-soċjetà mhux waħda statitika u kompliet tinbidel fejn minħabba dan il-fattur, “mhux biss qed naraw kif jaħsibha l-Malti imma għalfejn jaħseb hekk.”

Fost l-istatistika interessanti li ħarġet minn dan l-istudju xjentifiku, wieħed jinnota li il-poplu kien jagħti iktar importanza lill-politka qabel saret l-Elezzjoni Ġenerali  u issa, jħoss li l-politka hija inqas importanti għalih. Tajjeb wieħed jinnota li għalkemm għadha kemm għaddiet l-elezzjoni, hemm iktar nies li jikkunsidraw li jbiddlu l-vot tagħhom f’elezzjonijiet futuri.

Mll-Istat tan-Nazzjon, ħareġ ukoll li l-inflazzjoni qed tħalli impatt fuq il-poplu, għaliex kien hemm żieda fost dawk li qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom illum hija agħar minn kif kienet is-sena l-oħra. Żieda wkoll fil-persuni li jaħsbu li l-media Maltija qed tiddiskuti suġġetti li jikkonċernaw. It-televiżjoni sar l-iktar sors importanti li minnu n-nies jieħdu l-informazzjoni f’termini ta’ aħbarijiet.

Matul il-preżentazzjoni tiegħu, Vincent Marmara spjega kif il-maġġoranza tal-poplu jemmen f’Alla iżda ma jagħtix bl-istess importanza lir-reliġjon. L-għatx għall-festi tar-raħal jinħass. Filwaqt li l-festi huma l-iktar ħaġa importanti tal-kultura Maltija.

Lou Bondi fetaħ din it-tieni edizzjoni tal-Konferenza Nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’ fejn spjega li din l-inizjattiva mistennija tkompli biex l-istampa dwar min aħna u x’aħna, tkompli tkun iktar ċara biex inkunu nafu fejn sejjer dan in-nazzjon.