Sitwazzjoni xejn sabiħa f’numru ta’ skejjel, b’mod partikolari f’dik taż-Żejtun, hekk kif dan l-istazzjon kontwinament qed jirċievi messaġġi mingħand ġenituri u anki għalliema rigward is-sitwazzjoni ….f’waqtiet prekarja ….f’din l-iskola, u anki fi skejjel oħra f’Malta.
Dawk li tkellmu magħna spjegawlna kif fl-iskola hemm faċilitajiet li fihom kien sar investiment, iżda llum qegħdin jieħdu biss l-ispazju, għax ma jiffunzjonawx.
Kemm l-istudenti, kif ukoll l-għalliema, għadhom juzaw il-kontejners minħabba li ma hemmx klassijiet biżejjed – kif ukoll lanqas hemm staffrooms biżejjed, fejn anki l-amministrazzjoni m’għandhomx uffiċini għalihom; bix-xogħol fuq il-blokka tat-tmexxija għadu mhux lest.
Ħafna indikaw magħna li min ippjana dawn l-affarjiet lanqas għażel li jikkonsulta mal-amministrazzjoni jew mal-għalliema.
Oħrajn qalulna li hemm problema kbira fl-elettriku, dan hekk hekk kif hemm dejjem il-biżgħa li jinqata’ d-dawl, bl-istess nies jgħidu magħna li wara l-vaganzi tal-Għid, din il-problema kibret ….u d-dawl qed jinqata’ aktar spiss. Dan jitfa’ piż speċjalment hekk kif illum ħafna mil-lezzjonijiet qed isiru b’għajnuna ta’ apparat teknoloġiku. Dan apparti li ħafna mill-klassijiet huma bla AC, fejn f’ħinijiet tal-ġurnata, il-klassi tkun insapportabbli minħabba s-sħana. Dwar dan infatti fl-aħħar xhur kien hemm stqarrijiet mill-unions tal-għalliema illi appellaw biex l-Ministeru tal-Edukazzjoni jieħu n-nuqqas ta’ ACs fl-iskejjel bis-serjetà.
Uħud mill-ġenituri esprimew id-dieqa tagħhom li hemm telqa kbira fis-sala tal-iskola taż-Żejtun, fejn żgur mhux forsi din is-sala tista’ tintuża’ b’mod aħjar, b’ġenitur jgħid magħna li ibnu ilu fl-iskola 4 snin, u qatt ma daħal f’din is-sala.
Il-ġenituri u l-għalliema li tkellmu ma’ Net News qalu li hija ħassra li llum f’Malta għadek issib skejjel li mhumiex attrezzati u lanqas apprezzati, u tennew li minħabba dan kollu qed ibatu l-istudenti, u se tkun qed tbati s-soċjetà t’għada.
//= $special ?>