Impenn mal-Ħaddiema Lokali

Ħtieġa kbira li jkun hemm reviżjoni totali tas-salarji f’pajjiżna

Ħafna għaddejjin minnn tbatija kbira. U għalhekk, wasal iż-żmien li din il-kwistjoni tiġi indirizzata u li, bħala pajjiż, nassiguraw li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom bidu diċenti għal ħajjithom. Hekk stqarr l-editorjal tal-ġurnal The Malta Indipendent illi fakkar kif aktar minn 2,600 persuna f’Malta jaqilgħu paga minima.

Dan in-numru jista’ ma tantx jidher kbir meta wieħed iqis li l-ħaddiema full-time f’Malta huma 243,000 …. iżda jfisser li ‘l fuq minn 2,000 persuna qed jaqilgħu 792 ewro fix-xahar. L-editur jinsisti illi dan huwa ammont li ma jistax jiggarantixxi għajxien deċenti. U żgur mhux biżżejjed biex persuna twassal sal-aħħar tax-xahar, speċjalment jekk trid tgħajjex familja.

L-editorjal iddeskrieva din s-sitwazzjoni bħala nkwetanti anke għal eluf ta’ ħaddiema oħra. U fakkr kif fil-Parlament il-Ministru tal-Finanzi stqarr illi nofs l-impjegati full-time f’pajjiżna jaqilgħu salarju li huwa taħt il-paga medja; li hija ftit aktar minn 20,000 ewro.

Dan għandu jitqies fil-kuntest taż-żieda fl-inflazzjoni, u s-sejħa qawwija biex il-COLA għas-sena d-dieħla tikkunsidra din ir-realta’. Apparti dan kollu, l-editorjal ifakkar fid-dibattitu dwar l-introduzzjoni ta’ living wage – dibattitu li ilu jkaxkar għal ħafna snin, mingħajr ebda riżultat tanġibbli.