Lokali Qorti

Ħu tal-Maksar qal li evidenza ġdida “tipprova l-innoċenza tiegħu

Il-Qorti Kriminali ċaħdet it-talba ta’ ħu tal-Maksar Robert Agius biex jinħeles bil-libertà proviżorja jekk il-maġistrat li jippresiedi l-kumpilazzjoni tal-provi tiegħu jippermetti lis-Supretendent tal-Pulizija Keith Arnaud u lill-Ispettur Wayne Camilleri jixhdu dwar żviluppi riċenti fl-investigazzjonijiet tagħhom, bil-bibien magħluqa,fejn ingħad li jekk hija tilqa’ t-talba jkun li jimmina l-mod kif kienet ittrattata l-pleġġ fl-ordni legali ta’ Malta.

L-Imħallef faħħar il-fatt li r-raġunijiet għal din ix-xhieda ma ġewx żvelati fir-rikors tal-appell, peress li dan kien jevita l-ħtieġa li s-seduta ssir bil-bibien magħluqa, mingħajr il-preżenza tal-pubbliku jew tal-istampa. Fir-rikors tiegħu, Agius sostna li żviluppi riċenti fil-kumpilazzjoni ta’ provi kontrih “ppruvaw” l-innoċenza tiegħu u talab lill-qorti biex issejjaħ lill-uffiċjali tal-pulizija biex jixhdu u jaġġornaw il-qorti f’dan ir-rigward.

Iżda f’deċiżjoni li ngħatat mill-Imħallef Giovanni Grixti, osserva li li jekk tilqa’ din it-talba tkun “li tmur kontra l-ordni ġuridiku li jirregola l-pleġġ fis-sistema ġudizzjarja tagħna”. Dan għaliex il-liġi żammet lill-qorti milli tisma’ provi relatati mal-merti tal-akkużi, huwa qal, filwaqt li nnota wkoll li dawn il-provi kienu għadhom lanqas biss ġew offerti fil-kumpilazzjoni tal-provi u setgħu lanqas biss inġabru waqt l-inkjesta maġisterjali.

Filwaqt li kien ċar li l-akkużat kien għadu se jiġi preżunt innoċenti f’dan l-istadju, il-qorti qalet li ma setgħetx tħallih jissottometti evidenza tal-innoċenza tiegħu fi proċeduri dwar il-libertà proviżorja, “minħabba li l-qorti tkun qed tikkawża preġudizzju serju għall-proċeduri kontrih. u possibbilment partijiet terzi, skont il-każ.”

Kieku tagħmel mod ieħor, il-qorti tkun qed taġixxi ultra vires- lil hinn mill-ambitu tas-setgħat tagħha, qal l-imħallef. It-talba biex jinstemgħu x-xhieda tal-investigaturi tal-pulizija ġiet miċħuda, bl-Imħallef iżid li dan ma jippreġudikax it-talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest, li se tiġi diskussa f’seduta tal-Qorti nhar it-Tnejn.