Ir-Renju Unit u l-pajjiżi tal-Punent qed jesprimu rabja għad-deċiżjoni tar-Russja biex tikkundanna żewġ Britanniċi u raġel Marokkin għall-mewt wara li huma marru jiġġieldu spalla ma’ spalla mal-Ukreni fl-inħawi tad-Donbas. Is-sentenzi tat-tlieta qed jitqiesu, fost oħrajn, bħala abbuż sfaċċat tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li tesiġi t-trattat uman u dinjituż tal-priġunieri tal-gwerra.
Ir-Russja – permezz tal-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin – qed tfisser lit-tliet ikkundannati bħala ‘merċenarji’, fost l-istqarrijiet li t-tlieta ‘wettqu reati kontra r-residenti’ tal-hekk-imsejħa Repubblika ta’ Donetsk.
Il-Britanniċi Aiden Aslin u Shaun Pinner, flimkien mal-Marokkin, Saadun Brahim, kienu nqabdu priġuniera waqt li huma marru jappoġġjaw lill-Armata Ukrena fil-battalji għall-kontroll ta’ Mariupol.
Sadanittant, l-osservaturi barranin – flimkien mal-gruppi li jħarsu d-drittijiet umani – qablu li l-uffiċjali (favur ir-Russja) f’Donetsk li proċessaw lit-tlieta ‘kienu aktar ħsiebhom f’tip ta’ spettaklu fakkar fl-era Sovjetika’ milli jaġixxu fl-interessi tal-ġustizzja.
Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li l-proċess ‘tat-tliet merċenarji’ sar ‘fuq il-bażi tal-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk’ għaliex, skont hu, ‘ir-reati li wettqu t-tlieta seħħew kollha fit-territorji ta’ Donetsk’.
Il-provinċja ta’ Donetsk ilha mill-2014 suġġetta għal kampanja militari li qed imexxu s-separatisti lokali li jridu jinqatgħu minn mal-Ukrajna – b’Moska ilha s-snin tagħti l-appoġġ lill-istess separatisti.
Madankollu, id-Donetsk jibqa’ rikonoxxut – fuq livell internazzjonali – bħala parti importanti tal-Ukrajna.
Min-naħa tiegħu, Sergei Lavrov qal li mhux beħsiebu jintervjeni fis-sistemi għall-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja li qed ikunu applikati fir-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk’.
Dan meta ħafna mill-provinċja ta’ Donetsk għadha taħt il-kontroll tal-Ukreni – u meta r-Russja biss qed tirreferi għaz-zona bħala ‘Repubblika indipendenti’.
Sadanittant – u waqt li għaddejja ħafna spekulazzjoni dwar it-tliet priġunieri – is-sorsi f’Moska qegħdin jgħidu li ż-żewġ Britanniċi, flimkien mar-raġel Marokkin, għandhom id-dritt li jappellaw għal maħfra.
Hemm anki xi osservaturi li ma jeskludux għal kollox li, ‘il quddiem, isir xi tpartit ta’ priġunieri u li ‘jista’ jinvolvi lit-tliet ikkundannati’.
//= $special ?>