Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Possibbiltà kbira ta’ epidemija tal-kolera f’Mariupol

Il-belt Ukrena ta’ Mariupol, li jiem ilu waqgħet lill-qawwiet tar-Russja, tista’ dalwaqt tintlaqat minn epidemija tal-kolera minħabba n-nuqqas ta’ ilma tajjeb għax-xorb u faċilitajiet mediċi fl-inħawi.

Dan meta fadal mal-100,000 resident Ukren fil-belt li r-Russi rnexxielhom jikkontrollaw wara ġimgħat ta’ bumbardamenti fuq il-poplu ċivili tal-istess zona.

Jidher ukoll li l-kundizzjonijiet tas-saħħa qed jaqilbu għall-agħar għall-għexiereni taċ-ċittadini li huma kostretti li jgħixu f’din il-belt okkupata. Mariupol spiċċat f’idejn ir-Russi wara battalja qalila bejn it-truppi ta’ Moska u s-suldati tal-battaljun Ukren ta’ Azov li kienu damu l-ġranet jiddefendu faċilità industrijali ewlenija fl-inħawi.

Intant, is-sogru tal-epidemiji qed jikber minn jum għall-ieħor f’Mariupol, bl-osservaturi u l-awtoritajiet Ukreni jsostnu li qed tiżviluppa kriżi umanitarja f’dik il-belt,

Il-kundizzjonijiet f’Mariupol saru qishom ‘inkubatur tal-mard’ fost sitwazzjonijet tal-waħx għar-residenti li jinsabu mingħajr sistemi sanitarji. Fadal ukoll kwantità kbira ta’ katavri qalb il-bini mfarrkin mill-gwerra – bin-nuqqas ta’ tobba u infermiera f’Mariupol iqanqal tħassib kbir. Dan waqt li r-Russja qed twaqqaf kull sforz tal-Gvern Ukren biex iwassal l-għajnuna umanitarja liċ-ċivili Ukreni f’Mariupol.

U f’sitwazzjoni fejn il-militar Russu mhux juri interess fis-sitwazzjoni ddisprata taċ-ċivili, qegħdin jonqsu dejjem aktar il-ħażniet tal-ikel fl-inħawi – bil-kriżi umanitarja żżid ‘minn siegħa għall-oħra’.