Sport Sport Ieħor

Il-President ta’ European Athletics ifaħħar il-viżjoni ta’ Athletics Malta lejliet il-CSSE 2022

Il-President ta’ European Athletics Dobromir Karamarinov faħħar il-viżjoni ta’ Athletics Malta għall-isport f’pajjiżna lejliet il-Kampjonati tal-Atletika għall-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. Huwa ddeskriva l-avveniment bħala ta’ valur kbir għall-atleti, b’mod partikolari wara l-isfidi li għadda minnu l-isport fl-aħħar sentejn.

Huwa esprima l-ammirazzjoni tiegħu għal viżjoni li għandha Athletics Malta biex dan l-isport jikber mhux biss f’Malta iżda anke f’pajjiżi żgħar oħra fl-Ewropa. “Malta għandha l-potenzjal biex torganizza kompetizzjonijiet akbar fis-snin li ġejjin.  Huwa mill-aktar pożittiv li Athletics Malta għandha din il-viżjoni għal dan l-isport”.

Il-President tal-Athletics Association of Small States of Europea (AASSE) ddeskriva l-Logħob tas-CSSE bħala l-aktar avveniment importanti fil-kalendarju tal-pajjiżi ż-żgħar u qal li din hija opportunità mill-aqwa biex l-atleti jikkompetu kontra avversarji ta’ livell għoli, hekk kif 16-il pajjiż minn madwar l-Ewropa se jkunu f’Malta għal dan l-avveniment.

Min-naħa tiegħu il-President ta’ Ahtletics Malta, Andy Grech qal li dawn il-kampjonat huma importanti għaliex l-atleti se jkollhom l-opportunita’ li jikkompetu kontra avversarji ta’ livell ogħla, u dan huwa ta’ benefiċċju kbir għal pajjiżi żgħar u b’limitazzjonijiet territorjali, fosthom gżejjer bħal Malta, l-Iżlanda u Ċipru.

Hu saħaq li, “Athletics Malta se tkompli tibni fuq l-isforzi tagħha biex Malta ssir destinazzjoni sportiva. Pajjiżna għandu dak kollu li hemm bżonn għall-atleta: klima ideali u faċilitajiet li huma ideali biex atleti barranin jiġu Malta jitħarrġu u jikkompetu hawn. Għalhekk, se nkomplu nibnu fuq din id-direzzjoni li qbadna“.