Futbol Sport

Imut Mark Piscopo magħruf bħala l-‘Lullu’

Il-komunità tal-futbol Malti tinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt tal-eks kit manager tat-tim nazzjonali Malti Mark Piscopo, magħruf bħala l-‘Lullu’ fl-eta’ ta’ 52 sena. Piscopo kien popolari ferm ma’ dawk midħla tal-futbol lokali fejn ħafna kienu jfaħħruh għall-pożittivita’ li dejjem kien juri kemm fil-futbol kif ukoll fil-ħajja personali.

Piscopo serva fl-irwol ta’ kit manager tat-tim nazzjonali Malti sa mill-2010, fejn serva għall-104 partiti tat-tim nazzjonali Malti. Minn dakinhar, Piscopo serva taħt il-coaches nazzjonali John Buttigieg, Robert Gatt, Pietro Ghedin, Tom Saintfiet, Ray Zazu Farrugia u issa anke taħt it-tmexxija ta’ Devis Mangia. Apparti li kien kit manager tat-tim nazzjonali Malti, il-Lullu serva wkoll bħala kit manager ta’ Floriana, fejn saħansitra kien parti mill-istaff tekniku tal-greens, meta dawn kienu rebħu l-25 Kampjonat tagħhom fl-istaġun 1992/93.

Maż-żmien, Piscopo serva ukoll fil-kumitat ta’ Floriana, u fl-istaġun 2019/20, meta Floriana kienu rebħu l-Kampjonat Premier wara 27 sena ta’ stennija, ‘il-Lullu’ kien parti mill-kumitat immexxi minn Riccardo Gaucci.

Net Sports jingħaqad mal-kumplament tal-komunità tal-futbol lokali u jagħti l-kondoljanzi li familjari u l-ħbieb ta’ Mark Piscopo.