Jibqa’ jirrepeti l-istess kelma… minflok jgħidilna l-verità, il-Ministru Anton Refalo jibqa’ jagħżel li jgħidilna biex nirreferu għall-istqarrijiet li kien ħareġ fil-passat dwar il-‘milestone’ li tmur lura għal żmien l-Ingliżi u li b’xi mod spiċċat fir-residenza tiegħu fil-Qala, biswit il-pool.
U dan mingħajr ma jgħidilna jekk din il-ġebla ta’ Wirt Storiku, li fuqha hemm imnaqqxin l-ittri ‘VR’ b’referenza għar-Reġina Victoria, għadiex fil-pussess tiegħu.
Net News staqsa ukoll lill-Ministru jekk l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhomx għaddejjin, b’Refalo jerġa’ jagħżel li jirrepeti l-istess twegiba.
Il-ġimgħa li għaddiet Anton Refalo kien interrogat mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u kien anke msejjaħ mis-Suprintendenza għall-Wirt Nazzjonali wara li lura fi Frar, hu kien inqabad fil-pussess ta’ din il-ġebla…. hekk kif ibnu stess kien ippoża f’ritratt ma’ oħtu quddiem din il-ġebla storika.
Minn dakinhar, għaddiet l-elezzjoni u l-Prim Ministru reġa’ poġġa’ lil Anton Refalo fit-tieni Kabinett tiegħu… b’Robert Abela u Anton Refalo, it-tnejn jibqgħu siekta dwar dan kollu.