Il-Qorti Kriminali ċaħdet talba oħra għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech issuspettat fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiziia, filwaqt li rrimarkat li l-każ ma setax jiġi ttrattat “bħal każijiet oħra.” F’sentenza li ngħatat mill-Imħallef Edwina Grima hija osservat li ma kien hemm l-ebda tibdil fiċ-ċirkostanzi tal-każ li jista’ jiġġustifika li tinbidel il-pożizzjoni tiegħu.
“Dan il-każ ma jistax jiġi ttrattat bħala każijiet oħra ta’ qtil minħabba r-ramifikazzjonijiet wiesgħa tiegħu, investigazzjoni kumplessa u diversi inkjesti maġisterjali li għadhom pendenti. Veru li l-akkużat, li huwa preżunt innoċenti sakemm jiġi ppruvat ħati, jinsab f’kustodja preventiva iżda din id-deċiżjoni mhix waħda arbitrarja,” qalet il-Qorti Kriminali.
Fenech, li jinsab akkużat u qed jistenna l-proċess għall-kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017, ilu jinżamm arrestat mill-arrest tiegħu f’Novembru 2019. Huwa kien ġie arrestat fuq il-jott tiegħu hekk kif kien qed iħalli Malta għal dak li sostna li. tkun manutenzjoni skedata. Chats fuq WhatsApp bejn Fenech u zijuh, li ġew esebiti fil-Qorti, żvelaw li n-negozjant iddiskuta l-possibbiltà li jitlaq mill-pajjiż.
F’digriet li ngħata nhar il-Ġimgħa, il-Qorti Kriminali osservat li l-Avukat Ġenerali kien korrett meta rrimarka li ma setgħetx terġa’ tevalwa u tirrevedi digriet preċedenti mogħti minn dik l-istess qorti, li fih kienet ġiet miċħuda l-libertà proviżorja.
Id-difiża kienet ressqet eżempji ta’ suspettati oħra ta’ qtil li ngħataw il-libertà proviżorja, iżda l-Imħallef Grima tenniet li l-qorti ma setgħetx tilqa’ dawn l-argumenti, filwaqt li rrimarkat li l-implikazzjonijiet ta’ dan il-każ kienu differenti, u qalet li l-qorti tagħha kellha dmir tikkunsidra ċ-ċirkostanzi partikolari dwar il-każ separatament meta tiddeċiedi fuq il-pleġġ.
Il-Qorti Kriminali osservat ukoll li l-biżgħat li qajmet il-prosekuzzjoni ma kinux illużorji, u tenniet li ma kellhiex is-serħan tal-moħħ meħtieġ biex tagħti l-libertà proviżorja lil Fenech. Mill-evidenza rriżulta li mhux biss Fenech ipprova jaħrab meta nduna li l-arrest tiegħu kien fil-qrib iżda wkoll li kellu l-mezzi li bihom jaħrab bl-għajnuna tal-qraba tiegħu u ta’ dawk qrib tiegħu, kif ukoll l-appoġġ finanzjarju tagħhom.
Dawn il-biżgħat kienu sostnuti mill-provi esebiti quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, li saru wkoll parti mill-atti tal-kawża kriminali. “Hemm ukoll evidenza li turi li fil-ħin tal-arrest kien hemm nies qrib tiegħu li kienu lesti li jxekklu l-ġustizzja,” qalet l-Imħallef filwaqt li nnotat wkoll li sal-lum, Fenech ma offra l-ebda garanziji li jistgħu jikkonvinċu lill-qorti mod ieħor.
Fattur ieħor fid-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali kien l-investigazzjoni li għaddejja dwar il-qtil, li kienu għadhom attivi, li wkoll wasslu għal investigazzjonijiet paralleli kif ukoll diversi inkjesti maġisterjali pendenti. L-Imħallef spjegat li meta tiddeċiedi fuq il-pleġġ, il-qorti għandha bżonn ikollha l-garanziji kollha previsti fil-Kodiċi Kriminali, b’mod partikolari dawk relatati mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
“Iktar minn hekk fiċ-ċirkustanzi uniċi ta’ dan il-każ fejn ġurnalist ġie maqtul, bir-riperkussjonijiet serji tiegħu jinħass kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali kif diġà ġie rrimarkat mill-Qorti tal-Appell u l-Qorti Kostituzzjonali.”
//= $special ?>