Ekonomija Lokali

Ma jagħti l-ebda soluzzjoni għax jgħid li “mhux profeta”

“Miniex profeta”

Kienet din it-tweġiba li ħadna mingħand il-Ministru Michael Falzon wara li ġie mistoqsi kemm għandha tkun iz-zieda ghall-għoli tal-ħajja fil-Budget li jmiss… bl-istess Ministru jikkonferma li l-għoli tal-ħajja hi pjaga għall-familji kollha, iżda farfar fuq is-sitwazzjoni internazzjonali.

“Aħna ngħixu fi globu wieħed,” qal Falzon. “Jiġifieri ċerti problemi internazzjonali jaffetwaw lilna wkoll.”

Iżda minkejja din id-dikjarazzjoni, huwa ċar illi Michael Falzon – bħall-kumplament tal-Ministri ta’ Robert Abela – m’għandux viżjoni għas-sena li ġejja biex jgħin lill-familji li mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. U li qed jaraw ix-xirja ta’ prodotti bażiċi tkompli tiżdied, jum wara l-ieħor.

Il-Ministru Falzon, minkejja li għamel diskors ma jaqta’ xejn isemmi l-viżjoni li għandu għal pajjiżna għat-13-il sena li ġejjin, ma kienx kapaċi jgħidilna kemm se tkun iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena li ġejja. Għalkemm ftaħar li ta lill-anzjani €17.

“Diffiċli nkun profetà,” qal Falzon. “Il-figuri huma dawk li huma. Ma tistax tmeri l-figuri. Bħalma għamilna dejjem, eżempju lill-pensjonanti żidnihom, b’kemm, €17 f’erba’ snin.”

Intant… f’dokument imnedi minnu stess, Michael Falzon irrikonoxxa l-fatt li s-soċjetà Maltija għaddejja u se tgħaddi minn sfidi soċjali konsiderevoli… b’mod speċjali fejn jidħlu l-persuni l-iktar vulnerabbli, u dawk li jinsabu fil-faqar.

Rapport li ħareġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta wera li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 5.7% f’April li għadda… minn 4.4% ix-xahar ta’ qabel. Min-naħa l-oħra, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur żdiedet bi kważi 1%… minn 4.5% fix-xahar ta’ Marzu għal 5.4% f’April.

Dawn iċ-ċifri ikomplu jikkonfermaw kemm qed tgholli rasha l-inflazzjoni… bil-Gvern Laburista m’għandux idea x’għandu jkun il-pass ‘il quddiem biex jagħti serħan il-moħħ lil familji Maltin u Għawdxin.