Għana u makkjetti.
Żfin folkloristiku.
Wirjiet u kompetizzjonijiet tal-annimali.
Dan kollu fir-ritorn tal-Imnarja wara nuqqas ta’ sentejn kawża tal-pandemija, bl-attivitajiet mistennija jibdew fis-26 ta’ Ġunju u jibqgħu sejrin sad-29 tax-xahar.
L-attivitajiet, bħalma hija t-tradizzjoni, jibdew permezz ta’ quddiesa l-Ħadd ta’ qabel il-festa quddiem il-kappella ta’ Santa Madalena li tinsab fuq l-Irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. Wara l-quddies, mistenni li jkun hemm divertiment għall-familja kollha ma’ nżul ix-xemx. U ma jistax jonqos li fl-aħħar ikun hemm hemm il-fjakkolata tradizzjonali.
Imbagħad, lejlet il-festa, jiġifieri fit-28 ta’ Ġunju jibdew l-attivitajiet fil-ġonna tal-Buskett li jibqgħu sejrin sal-għada, propju dakinhar tal-Imnarja.
Matul dawn il-jumejn se jkun hemm esebizzjonijiet u kompetizzjonijiet tal-annimali, fosthom tat-tiġieġ, nagħaġ u baqar, ilbies u xogħol tas-sengħa tradizzjonali, u għana spirtu pront.
L-għan ta’ dawn l-attivitajiet huwa sabiex is-sengħa Maltija ma tispiċċax fix-xejn, filwaqt li wieħed japprezza aħjar il-prodott lokali li tant bdiewa u raħħala jaħdmu għalih.
L-Imnarja hija meqjusa bħala waħda mill-eqdem festi li jiġu ċċelebrati fuq il-gżejjer Maltin. Fil-fatt….din il-festa, li tikkommemora lil San Pietru u San Pawl, bdiet tiġi ċċelebrata minn qabel il-Kavallieri ta’ San Ġwann.