Lokali

Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara ħabta bejn mutur, żewġ karozzi u trakk

Żagħżugħ ta’ 28 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li seħħet ħabta bejn mutur, żewġ karozzi u trakk fil-Marsa Ħamrun Bypass għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar.

Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur misjuq mir-raġel ta’ 28 sena residenti s-Swieqi, karozza misjuqa minn raġel ta’ 19-il sena residenti l-Mosta u trakk misjuq minn
raġel ta’ 51 sena residenti l-Marsa.

Karozza oħra misjuqa minn raġel ta’ 54 sena, li kienet għaddejja minn fuq il-post, ġarrbet xi ħsarat waqt l-inċident peress li ntlaqtet minn biċċiet tal-vetturi involuti fl-inċident.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-aktar assistenza medika. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.