Suspettat traffikant tad-droga nżamm arrestat is-Sibt bil-Qorti għandha tiddeċiedi jekk għandux jiġi estradit lejn l-Italja. John Spiteri ta’ 56 sena mill-Qrendi tressaq il-Qorti s-Sibt waranofsinhar fuq wara ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Taljani.
Huwa qed jiġi mfittex f’Katanja, fi Sqallija, biex jiffaċċja akkużi ta’ konfoffa għat-traffikar tal-kokaina u l-cannabis lejn l-Italja u Malta u talli allegatament jifforma parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata. It-tressiiq tiegħu kien interrott meta rriżulta li parti mid-dokumenti ta’ akkumpanjament tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE) li jinkorporaw żewġ ritratti ta’ sorveljanza ta’ Spiteri – ma kinux ippreżentati fil-qorti.
Il-kwistjoni tqajmet mid-difiża tal-akkużat. Wara li l-ispettur tal-prosekuzzjoni ġab ir-ritratti mill-kwartieri ġenerali tal-pulizija, kompla l-każ. Spiteri ma tax il-kunsens tiegħu biex jiġi estradit. Waqt li d-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu, l-avukat difensur Franco Debono sostna li filwaqt li f’Malta dawn l-akkużi jġorru l-piena ta’ għomor ħabs, fl-Italja huma 24 sena għal kriminalità organizzata u 13-il sena għal traffikar tad-droga – dan għandu jitqies meta jiġi deċiż jekk l-akkużat għandu jingħata l-libertà proviżorja jew le.
Debono sostna wkoll li wara li Times of Malta rrapportat għall-ewwel darba dwar l-allegata attività ta’ traffikar ta’ Spiteri f’Diċembru 2021, seta’ ħarab mill-pajjiż dak iż-żmien – iżda ma kienx il-każ. Huwa ta wkoll lill-qorti lista twila ta’ każijiet meta persuni li qed jiffaċċjaw talbiet għall-estradizzjoni kienu ngħataw il-libertà proviżorja.
Il-prosekuzzjoni sostniet li l-qorti għandha teżerċita l-akbar kawtela peress li dan il-każ huwa wieħed ta’ kriminalità organizzata. “Qed niffaċċjaw sitwazzjoni – allegazzjonijiet – iżda sitwazzjoni ta’ ħlasijiet mill-Albanija, l-Italja, Sqallija, il-Bulgarija, u Malta,” qal George Camilleri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Spiteri nżamm arrestat wara li talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-Maġistrat Leonard Caruana. Il-Qorti se tiddeċiedi dwar l-estradizzjoni tiegħu f’seduta skedata għall-20 ta’ Ġunju. Spiteri kien rappreżentat mill-avukati Franco Debono u Francesca Zarb. L-Ispettur Mark Galea mexxa l-prosekuzzjoni, assistit mill-avukati George Camilleri u Elenia Maria Abela mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>