Beppe Grillo u Daniel Saliba rebħu l-ewwel midalji għal Malta fil-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa tal-Atletika li qed isiru f’Malta.
Fl-avveniment tal-110 metru hurdles kien iċ-Ċiprijott Elvis Kryukov li ħareġ rebbieħ f’ħin ta’ 14.36 sekondi, segwit mill-Malti Daniel Saliba li rebaħ il-midalja tal-fidda u l-Albaniż Durjon Idrizak ħa l-midalja tal-bronż.
Fil-100 metru tal-irġiel Kolbeinn Hodur Gunnarsson rebaħ id-deheb b’ħin ta’ 10.59 sekondi, segwit mill-Malti Beppe Grillo li temm fit-tieni post 10.65 sekondi, qabel Dagur Einarsson tal-Iżlanda.
Fil-Pole Vault tan-nisa iċ-Ċiprijotta Antea Vasou rebħet il-midalja tad-deheb b’qabża ta’ 3.80 metri. Il-Maltija Peppijna Dalli rnexxielha tagħmel l-aqwa qabża tal-istaġun f’distanza ta’ 3.60 metri. Fil-100 metru Hurdles tan-nisa Angeliki Athanasopoulou rebaħ b’ħin ta’ 14.07 sekondi, bi Glodis Edda Thuridardottir tal-Iżlanda jidħol 0.04 sekondi u Luliana Dovganici tal-Moldova fit-tielet post.
Fil-hammer throw kategorija tal-irġiel Serghei Marghiec rebaħ il-midalja tad-deheb b’tefa’ ta’ 74.14 metru. L-Iżlandiż Hilmar Orn Jonsson temm fit-tieni post b’tefa’ ta’ 70.95 metru biċ-Ċiprijott Alexndros Poursanidis jtemm fit-tielet post. Il-Malti Luca Martini kellu prestazzjoni tajba b’tefa’ ta’ 54.33 metru.
Fil-100 metru tan-nisa Alessandra Gasparelli rebħet il-midalja tad-deheb b’ħin ta’ 11.67 sekondi li daħlet qabel Marianna Pisiara u Tiana Osk Whitworth. Il-Maltija Carla Scicluna kisbet l-aħjar ħin personali b’ħin ta’ 11.85 sekondi. Alessia Cristina wkoll kellha l-aħjar ħin personali b’ħin ta’ 12.50 sekondi.
Preżenti fil-Matthew Micallef St. John Athletics Stadium kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Graham Bencini flimkien mas-Segretarju ta’ Tim Sport PN, Paula Briffa, li taw l-appoġġ tagħhom lill-atleti Maltin fl-ewwel avvenimenti li saru matul il-jum tas-Sibt.
//= $special ?>