“Appell għall-ġenerożità tal-poplu u lil kull min irid lill-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ biex għada jgħina b’mod finanzjarju biex flimkien inkunu parti minn dan it-tisħiħ.” – Dan kien l-appell tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino meta kien intervistat minn Robert Cremona waqt il-programm Net Live.

Michael Piccinino wassal dan l-appell hekk kif fis-sigħat li ġejjin, il-PN se jkun qed idur fuq in-nies u jitlob il-ġenerożità tagħhom waqt Maratona Ġbir ta’ Fondi li se tkun qed tixxandar fuq Net Television u Net FM.
Maratona Ġbir ta’ fondi li hija importanti ħafna biex il-partit ikompli jmantni l-operat tiegħu biex anke matul ix-xhur tas-Sajf, il-partit jara internament x’hemm bżonn isaħħaħ u jbiddel sabiex bl-aħjar mod ikompli jwassal il-messaġġ tiegħu.

Is-Segretarju Ġenerali spjega fid-dettall il-ħidma tal-Partit. Hu saħaq li l-ħidma kompliet f’diversi strutturi, fosthom l-ELCOM, il-magna elettorali tal-PN, li issa qed tħares ‘il quddiem lejn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew. Dan fost aktar ħidma li qed issir f’diversi strutturi oħrajn. Michael Piccinino tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-media tal-partit vis a vis dan kollu, u għalhekk l-importanza li l-maratona tal-Ħadd tkun waħda suċċess.
Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-PN – il-Ħadd 12 ta’ Ġunju – mis-2pm ‘il quddiem – live fuq Net Television u Net FM.
