Lokali

Il-kunsill tal-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità kontra l-emendi tal-IVF

Il-maġġoranza tal-membri tal-kunsill tal-Kummissjoni għad‑Drittijiet tal‑Persuni b’Diżabilità (CRPD) ddiżassoċjaw ruħhom mill‑istqarrija tal-kummissarju tal-istess entità dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF. Huma qalu li l-istqarrija favur dawn l-emendi maħruġa mill-kummissarju Samantha Pace Gasan f’isem il-kummissjoni ma ġiet diskussa qatt mal‑membri tal‑Bord tas‑CRPD.

13 minn 15-il membru qalu fi stqarrija li l-pożizzjoni li ħadet il-kummissarju timmina serjament l‑isforzi tal‑moviment tal‑persuni b’diżabilità f’Malta f’dawn l‑aħħar għexieren ta’ snin. 

Qalu wkoll li bl-għażla li jitwarrbu l-embrijuni b’kundizzjoni ġenetika, wieħed qed jassumi li l‑ħajja ta’ xi ħadd li għandu kundizzjoni ġenetika m’għandhiex valur li tibqa’ tgħix. Huma staqsew min jista’ jgħid jew ibassar il‑ħajja ta’ dak l‑individwu kif se tiżviluppa f’dak l‑istadju?

L-istqarrija ġiet iffirmata minn Maryrose Attard, Carmen Grech, Maria Victoria Gauci, Marchita Mangiafico, Fr Martin Micallef, Carmen Muscat, Marthese Mugliette, Rita Vella, Amy Camilleri Zahra, Lourdes Farrugia, Carmen Mifsud u Loran Xuereb.