L-istqarrija li saret dalgħodu f’Kemmuna
Dalgħodu l-Moviment Graffitti qiegħed jagħmel biċċa xogħol li suppost ilha li saret mill-awtoritajiet – li b’mod paċifiku jneħħi d-deckchairs u l-umbrelel minn Blue Lagoon f’Kemmuna.
Dawn id-deckchairs jarmawhom operaturi privati f’kull qatra spazju li jsibu mal-kosta, fuq ir-ramliet, il-blat, is-simenta, saħansitra qabel ma jaslu l-ewwel turisti bid-dgħajjes. Blue Lagoon għamluh il-lido privat tagħhom.
Ħafna Maltin jistqarru li ma jersqux lejn Kemmuna minħabba f’dan il-fatt. Dan m’għandux ikun. Il-Blue Lagoon huwa spazju pubbliku u għandu jitgawda b’xejn minn kulħadd, kemm residenti kif ukoll turisti, u mingħajr ma jiġu sfurzati jħallsu għal dak li ma jridux.
La l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo ma speċifikax meta jew kif se jieħu kontroll tas-sitwazzjoni, qegħdin neħduha f’idejna aħna.
Ma jistax ikun li wasal sajf ieħor u l-problema qegħdin jerġgħu jwaddbuha taħt it-tapit. Huwa għalhekk li l-Moviment Graffitti qiegħed hawn iwettaq din l-azzjoni diretta.
Kmieni din il-ġimgħa l-Moviment Graffitti wassal ittra lil ħames ministri fejn enfasiza sitt talbiet fir-rigward tal-Blue Lagoon u Kemmuna:
1. Umbrelel u deckchairs għandhom jinkrew biss lil nies li jinsabu fiżikament fuq il-post. L-umbrelel u d-deckchairs tal-kumpaniji privati m’għandhom qatt jokkupaw iktar minn perċentwal stipulat sabiex l-aċċess u t-tgawdija tal-kosta ma jixxekklux, f’konformità mal-Att dwar id-Dominju Pubbliku. Dan il-perċentwal għandu jiġu stipulat f’dokument ta’ politika għal Kemmuna wara li jkunu saru l-istudji kollha u skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni għal Kemmuna tal-ERA (2019).
2. In-numru u d-daqs ta’ kjoskijiet madwar il-bajja għandu jkun ferm inqas minn dak preżenti u għandu jiġi stipulat f’dokument ta’ politika għal Kemmuna sabiex neliminaw il-konġestjoni u l-kummerċjalizzazzjoni żejda taż-żona, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni għal Kemmuna. Fir-rigward tal-bejgħ mill-kjoskijiet, huwa urġenti li t-tazzi kollha jkunu magħmula minn plastik li jista’ jerġa jintuża u straws bijodegradabbli.
3. Kwalunkwe attività kummerċjali fil-bajja tal-Blue Lagoon għandha topera skont permess li jinħareġ mill-gvern u li jinkludi kontribut finanzjarju li jmur lejn iż-żamma tal-bajja. Kwalunkwe attività kummerċjali li ma timxix mar-regoli għandu jitteħdilha l-permess li topera.
4. Il-gvern għandu jieħu azzjoni urġenti favur iż-żamma tal-bajja bħal pereżempju billi jiżgura li hemm biżżejjed bins għall-iskart u li ż-żibel jinġabar ma’ kull tmiem il-jum. Iż-żamma tal-bajja għandha tqis ukoll li jkun hemm biżżejjed gwardjani li jħarsu lill-gżira u jkollhom l-awtorità jinfurzaw ir-regoli.
5. Il-mużika mill-kjoskijiet u d-dgħajjes, u l-generators storbjużi għandhom jiġu projbiti immedjatament.
6. Għandha tibda ħidma immedjata fuq dokument ta’ politika għal Kemmuna li jiġbor fih ukoll l-ammont ta’ nies li tista’ tilqa’ din il-bajja skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni għal Kemmuna. Din il-politika għandha tipprojbixxi laneċ kbar (bħal katamarani) milli jidħlu fil-Blue Lagoon u tpoġġi limitu fuq in-numru ta’ laneċ li jistgħu jidħlu kuljum.
It-talbiet tagħna ntlaqgħu b’silenzju.
Is-sitwazzjoni ta’ ksur fil-beraħ tal-liġi fi Blue Lagoon mhijiex l-uniku waħda li titlob azzjoni immedjata f’Kemmuna. Il-Hili Group għalqu l-aċċess għall-bajja ta’ San Niklaw bil-gradilji. Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku li skont il-liġi ta’ Malta, l-ewwel 15-il metru mill-kosta huma dejjem spazju pubbliku.
Jekk dawn il-problemi ma jiġux indirizzati, ser terġgħu tarawna hawn.
//= $special ?>