Il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-ħaddiema ta’ Caritas Malta, li qed jipprovdu ‘bagalja ta’ għodda’ lir-residenti li qed isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga f’San Blas.
Akkumpanjat mis-Sinjura Vella, il-President Vella żar ir-residenza ta’ Caritas Malta f’San Blas, fejn iltaqa’ mal-45 resident li bħalissa qed isegwu wieħed mit-tliet programmi offruti minn Caritas Malta fi ħdan din ir-residenza. F’kummenti fi tmiem iż-żjara, wara li sema’ l-esperjenzi ta’ wħud mir-residenti, il-President qal li kull darba li jżur il-faċilitajiet immexxija minn Caritas Malta jibqa’ mistgħaġeb bis-servizzi offruti, imma fuq kollox bl-imħabba li jingħata l-individwu. Spjega li b’din l-imħabba, Caritas Malta qed terġa’ tagħti lill-individwu l-istima u r-rispett li jkun tilef minħabba l-problemi li jkun qed jaffaċċja u l-vizzju li jkun qabad. “Meta inti qed terġa’ tibda tibni fihom infushom l-istima inti qed terġa’ tgħinhom biex jibda l-fejqan,” żied jgħid il-President.
B’referenza għal-laqgħa mar-residenti li qed isegwu l-programm, il-President Vella rrimarka li fi kliemhom stess jistgħu jħarsu lejn il-futur b’fiduċja. Il-President temm jgħid li kull min isegwi wieħed mill-programmi offruti f’San Blas, fl-aħħar mill-aħħar, jirnexxilu jakkwista r-rispett lejh innifsu u anke jkun armat bl-għodda li biha jkun kapaċi jiġġieled id-diffikultajiet li jaffaċċja f’ħajtu wara li jlesti l-programm.
Il-President u s-Sinjura Vella żaru r-residenzi fejn l-irġiel u n-nisa qed isegwu programm residenzjali b’mod separat u xelter fejn irġiel isegwu programm ta’ sitt ġimgħat qabel jibdew il-programm residenzjali.
//= $special ?>