Knisja Lokali

“L-emendi fil-liġi tal-IVF idgħajfu d-dinjità tal-embrijuni” – 35 espert

Il-Knisja f’Malta permezz ta’ position paper qalet li l-emendi fil‑liġi tal‑IVF idgħajfu d-dinjità tal-embrijuni għax jippermettu li dawk b’mard ġenetiku speċifiku jiġu ffriżati għal dejjem. Barra minn hekk, permezz ta’ dawn l-emendi, se ssir għażla diskriminatorja bejn liema tarbija futura tgħix u liema tiġi ffriżata.

Il-Knisja qalet dan wara studju ta’ 35 espert multidixxiplinarju fosthom mill‑qasam tal‑mediċina, ix‑xjenza u l‑embrijoloġija, fejn ħejjew position paper u li ġiet iċċirkulata mill-Knisja f’Malta. Il-Knisja għamlet dan bħala parti minn diskussjoni usa’ li trid issir bħala parti mid-dibattitu Parlamentari dwar l-emendi proposti għall-Protezzjoni tal-Embrijuni.

L‑esperti qalu li jeħtieġ aktar għajnuna biex tittaffa t‑tbatija ta’ dawk il‑koppji li jgħaddu mill‑IVF jew li jafu li wliedhom jistgħu jkollhom mard ġenetiku. Għalhekk, qed jappellaw fost l‑oħrajn għal aktar servizzi ta’ sapport lill‑koppji li għaddejjin minn trattament ta’ fertilità. Fost l-oħrajn jsemmu l‑Polar Body Biopsy bħala alternattiva vijabbli flok l‑ittestjar tal‑embrijuni.

Il‑35 espert kkonfermaw li tmienja mid‑disa’ kundizzjonijiet ġenetiċi rari msemmija jistgħu jiġu identifikati mingħajr il‑ħtieġa li jiġi ttestjat l‑embrijun u b’hekk jitpoġġa f’periklu. Qalu li ħlief għall‑Huntington’s Disease, fil‑każ tal‑kundizzjonijiet kollha msemmija jistgħu jsiru testijiet ġenetiċi fuq iż‑żewġ ġenituri, segwit jekk ikun hemm bżonn, minn test fuq il‑bajd tal‑mara u dan permezz tal‑Polar Body Biopsy li jsir qabel ma jiġi ffurmat l‑embrijun.

Il-Knisja qalet li bl‑introduzzjoni tal‑emendi li qed jipproponi l‑Gvern, ftit hemm ċans li embrijuni b’mard ġenetiku jiġu adottati u għalhekk aktar embrijuni se jibqgħu ffriżati. Ġie mtenni li skont l‑Awtorità għall‑Protezzjoni tal‑Embrijuni, sal‑lum diġà hemm 388 embrijun iffriżat u li f’dawn l‑aħħar sentejn ma ġew adottati minn ħadd.

L-esperti qalu li kwalunkwe proċess li jwassal għall‑qerda tal‑embrijun mhuwiex etikament aċċettabbli, għax iwassal għall‑qerda tal‑ħajja umana, filwaqt li tennew li s‑soċjetà għandha dmir li tħares u tipproteġi dawk l‑aktar vulnerabbli, inkluż fejn jidħol l‑embrijun uman.