“Ħallewna hekk tliet ġimgħat u l-ħaddiema qatt ma jersqu l’hawn. Waslet il-ġurnata tal-praċett tat-tfal u qas għandhom minn fejn joħorġu” – Huwa dan is-sentiment komuni ta’ diversi residenti li jgħixu fi Triq il-Palazz tal-Gvernatur, fil-Birgu.
Sentiment ta’ rabja, li qed jasal hekk kif ilhom f’din is-sitwazzjoni għal madwar tliet ġimgħat. Sitwazzjoni li qed tagħmililhom impossibbli joħorġu mir-residenza tagħhom, li apparti frustrazzjoni, qed toħloq inkonvenjent kbir.
Persuni li tkellmu ma’ Net News qalu li l-ħaddiema ftit li xejn jidhru u għalhekk ix-xogħol weħel u ilu żmien ma jsir xejn. Tant li issa wasal ukoll il-Ħadd li fih diversi tfal tal-lokal se jirċievu l-ewwel tqarbina u lanqas jistgħu joħorġu mid-dar. Dan b’mod partikolari l-bniet li jgħixu f’din it-triq li għalihom il-ġenituri huma inkwetati ferm.
Skont informazzjoni li għandu dan is-sit, l-istess kuntrattur li hu inkarigat minn dan ix-xogħol, għandu wkoll fidu xogħol ta’ toroq oħrajn fil-madwar, li fihom il-ħaddiema mhux jitfaċċaw u t-toroq qed jitħallew f’sitwazzjoni simili bħal din ta’ Triq il-Palazz tal-Gvernatur.
//= $special ?>