Is-Sibt filgħodu, folla nġabret quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Furjana, iddedikata lil San Publiju, sabiex tingħata l-aħħar tislima lil eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Tony Zarb.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċipriet Charles Cini fakkar kif Tony Zarb dejjem ħadem favur il-ħaddiem. Saħaq li huwa dejjem ħaseb fid-dinjità tal-ħaddiem.
L-Arċipriet fakkar f’episodju li jixhed dan kollu .. fejn Tony Zarb irnexxilu jwaqqaf strike mill-ħaddiema tal-kumpanija tal-ajru, għaliex tarbija ta’ ftit xhur kellha titla’ l-Ingilterra fl-inqas ħin possibli.
L-Arċipriet Charles Cini fakkar fl-imħabba li Tony Zarb kellu għall-familja tiegħu u l-imħabba għall-San Publiju, il-patrun tal-lokalità fejn trabba. Fl-aħħar jiem ta’ ħajtu, Tony Zarb kien qed jingħata l-kura fi sptar fil-Belġju qabel ma miet il-Ħadd, 29 ta’ Mejju, fl-età ta’ 68 sena.
Tony Zarb kien Segretarju Ġenerali tal-GWU għal 17 sena (bejn l-1998 u l-2015) u għall-aħħar sentejn bħala s-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti tal-istess union. Intant qabel il-funeral, il-korteo bil-katavru telaq mill-Isptar Mater Dei u waqaf quddiem il-bini tal-GWU. Minn hemm il-korteo intemm quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Furjana.

