Lokali

“Flimkien magħkom inkomplu nibnu u nsaħħu lill-PN” – Bernard Grech

F’intervent matul il-Maratona Ġbir ta’ Fondi, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar il-pass li jmiss li għandu bżonn jieħu l-Partit Nazzjonalista.

Huwa  sostna li laqa’ l-appoġġ b’saħħtu li ingħata fil-ġimgħat li għaddew meta ġie rikonfermat bħala Kap tal-Partit bħala responsabbiltà li lest iħares ‘il quddiem b’entużjażmu u ottimiżmu.

“Inwettqu dak li jien għamilt ċar li rridu nagħmlu,” qal Bernard Grech. “Irridu nieħdu deċiżjonijiet varji għal partit aktar b’saħħtu sabiex nirriġenaraw lill-Partit.”

Hekk kif fetħet is-sejħa għall-pożizzjoni ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech insista li l-bieb jinsab miftuħ u stqarr li ikun min ikun għandu jkun ta’ spalla sabiex flimkien nwasslu dan il-partit għal fejn irridu naslu…sabiex nibnu u mhux nħottu. Għalhekk huwa insista li l-ħidma trid tibqa għaddejja.

“Il-ħidma trid tkompli,” qal Bernard Grech. “Aħna nemmnu f’dan il-partit, nemmnu fikom, nemmnu fil-poplu Malti. U hu għalhekk li se nibqgħu inroddu lura l-fiduċja b’aktar u aktar ħidma.”

Dan filwaqt li Bernard Grech spjega li l-assi tal-Partit iridu jiġu utilizzati b’mod serju fost oħrajn li każini li jinsabu magħluqa jerġgħu jingħataw il-ħajja, li tkompli tiġi msaħħa l-media tal-Partit filwaqt li enfasizza wkoll dwar ir-ristrutturar. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista irringrazzja lil kull min ta kuljum jaghti sehmu fil-hidma tal-Partit huwa nsista li jemmen fil-ħiliet ta’ kulħadd.