Lokali

Il-Gvern jipprepara biex il-piżijiet tal-Enemalta jitfagħhom fuq kontijiet ogħla għall-konsumatur

Il-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qed iħejji żidiet fil-prezzijiet ogħla għall-konsumatur fejn jidħlu l-prodotti u s-servizzi offruti mill-Enemalta.

Sa issa l-Gvern ma setax jgħaddi l-piż finanzjarju tat-telf tal-Enemalta fuq il-poplu Malti u Għawdxi primarjament minħabba l-Elezzjoni Ġenerali li għadha kemm għaddiet u fejn il-Prim Ministru Robert Abela ma riedx jibgħat messaġġi żbaljati li setgħu għamlulu ħsara fost l-elettorat li diġà qed ibati mill-għoli tal-ħajja.

Barra minn hekk Robert Abela ma riedx jintroduċi prezzijiet ogħla għar-rigward tal-prodotti u s-servizzi tal-Enemalta immedjatament wara li għaddiet l-elezzjoni, iżda issa jidher li kollox għandu ppjanat biex fil-ġimgħat li ġejjin ikunu introdotti prezzijiet ogħla għall-konsumatur Malti u Għawdxi li diġà hu mgħobbi b’ħafna prezzijiet li qed jogħlew minn konsenja għall-oħra.

Is-sitwazzjoni finanzjarja fl-Enemalta hi waħda tat-tħassib u l-Gvern irid isib rimedju immedjat biex din is-sitwazzjoni ma tkomplix taggrava u tpoġġi lill-istess Enemalta fi kriżi finanzjarja ferm akbar.

Il-Gvern ilu jaf li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Enemalta mhix waħda sabiħa u l-konferma li fl-2020 l-Enemalta għamlet telf finanzjarju ta’ kważi €36 miljun ilu jinħeba ħafna xhur… aktar u aktar meta għall-istess perjodu, jiġifieri għall-2020, ix-Shanghai Electric irrappurtat profitt ta’ €15-il miljun mill-impjant tal-BWSC li kienet xtrat mingħand l-Enemalta u li qed tbigħilna l-elettriku minnu.

Skont l-Enemalta r-raġuni prinċipali għal dan it-telf ta’ kważi €36 miljun għall-2020 ġej mill-fatt li għal ftit xhur kien intuża ħafna anqas l-Interconnector u xtraw iżjed mingħand l-Electrogas u Shanghai Electric minħabba l-inċident fuq l-Interconnector.

L-Enemalta nhar il-Ġimgħa kkonfermat ukoll li l-prezz medju matul l-2020 tal-Interconnector kien €46/MWh jew kważi n-nofs mill-€85/MWh li l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli stess qalet li qed inħallsu lill-Electrogas bħalissa. Mhux ta’ b’xejn li l-istess Ministru Miriam Dalli kienet komda tagħti l-prezzijiet tax-xahar li għadda iżda għadha tirrifjuta li tippubblika l-prezzijiet tal-ħames snin li għaddew.

Fl-istess sena li fiha l-Enemalta għamlet dan it-telf, l-2020, Shanghai Electric irrappurtat li għamlet profitt ta’ €15-il miljun mill-impjant tal-BWSC, li kienet xtrat mingħand l-Enemalta u li qed tbigħilna l-elettriku minnu.

F’kumment lil Il-Mument, Mark Anthony Sammut, il-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriż, qal li fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi ġodda għar-rigward tat-telf kbir li għamlet l-Enemalta fl-2020, wieħed irid aktar minn qatt qabel jinsisti għal trasparenza totali fis-settur biex ikun jista’ jsir ġudizzju dwar ir-riżultat veru tal-politika tal-Gvern ta’ Robert Abela dwar l-Enerġija, ’il bogħod mill-propaganda partiġjana.

Mark Anthony Sammut enfasizza li għandha tittieħed kull azzjoni meħtieġa biex kull min kien involut fil-korruzzjoni u wassal għal din is-sitwazzjoni, jieħu dak li ħaqqu.

Hu appella lill-Gvern biex minnufih jikkoreġi s-serq li qed isir mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, filwaqt li jagħti l-flus lura lil kull min insteraq. M’għandux jibqa’ jkun li l-poplu jħallas għall-irresponsabbiltà u l-inkompetenza tal-Gvern.