Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-ebda serħan għall-poplu ta’ Severodonestk, bir-Russi jolqtu faċilità għall-produzzjoni tal-kimika

L-Armata tar-Russja persistiet bl-assedju fuq Severodonetsk – fost l-aktar bliet importanti lejn il-Lvant tal-Ukrajna – bil-battalji fl-inħawi mhumiex jieqfu minn jum għall-ieħor. Dan waqt li r-residenti ta’ Severodonetsk qed ibatu bil-kbir mill-qilla tal-offensiva u meta mhix eskluża kriżi umana għaz-zona fuq l-istess livell tal-kriżi li żviluppat ġimgħat ilu fil-belt Ukrena ta’ Mariupol.

Intant, il-bumbardamenti tar-Russi kkaġunaw nirien kbar f’impjant jew faċilità li tipproduċi l-kimika fl-inħawi ta’ Severodonetsk – bl-osservaturi jesprimu nkwiet dwar il-potenzjal tad-dħaħen tossiċi fl-atmosfera.

Il-Gvernatur Ukren ta’ dak ir-reġjun, Serhiy Haidal, qal li n-nirien qabdu fil-faċilità ta’ Azot wara li ħarġu l-għexieren tal-eluf ta’ tunnellati taż-żejt minn diversi radiators li kienu ġarrbu l-ħsarat mill-isplużjonijiet tal-balal sparati mir-Russi.

Sadanittant, mifhum li talanqas 800 ċivili – salbieraħ – kienu qed jistkennu fix-xelters ta’ taħt l-art fl-istess kumpless ta’ Azot u meta ħajjithom spiċċa f’periklu ċar minħabba ċ-ċirkustanzi.

Fl-istess ħin, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed jitlob mill-ġdid għal aktar armamenti ‘kbar’ mill-pajjiżi tal-Punent, fost l-inkwiet li qed jispiċċa l-munizzjon għall-militar tal-Ukrajna. Intant, il-qawwiet ta’ Zelensky fl-aħħar sigħat xorta rreġistraw aktar suċċessi militari fejn ħadu lura xi zoni fir-reġjuni ta’ Kherson u Zaporizhzhia li sa ftit ilu kienu okkupati mit-truppi tar-Russja.