Ir-rebbiegħa meteoroloġika ġiet fi tmiemha fuq nota pjuttost sħuna hekk kif it-temperatura għal Mejju laħqet il-31.2°C fl-aħħar jum tax-xahar. Madanakollu, b’mod ġenerali, l-istaġun kien aktar frisk milli mistenni, bit-temperatura medja tkun 0.6°C aktar baxxa min-norma staġjonali ta’ 16.8°C.
It-temperatura tal-arja l-aktar baxxa tar-rebbiegħa kienet ta’ 6°C li ġiet rreġistrata f’Marzu – xahar ħafna iktar kiesaħ mill-medja. Din it-tendenza ġiet osservata wkoll f’April, li kellu temperatura tal-arja medja ta’ 0.6°C anqas min-norma għax-xahar. F’Mejju, imbagħad, it-temperatura medja kienet ta’ 20.5°C, jiġifieri nofs grad ogħla min-norma klimatika.
Fis-17 ta’ Mejju ġie osservat ċpar oħxon, li rriżulta mill-moviment ta’ arja li kienet qed tisħon fuq baħar pjuttost akter friski. Dan iċ-ċpar kien wieħed minn tliet istanzi li fihom ġie osservat dan il-fenomenu tat-temp matul ir-rebbiegħa meteoroloġika.
Wara xahrejn li kienu anqas xemxin min-norma, Mejju qabeż il-kwota ta’ 307.2 sigħat xemxin bi 18-il segħa, hekk kif il-koperatura tas-sħab għax-ahar kienet kemxejn aktar baxxa min-norma għal dan iż-żmien tas-sena. Bl-istess xahar ipproduċa wkoll aktar xita milli mistenni – dik ta’ 16.8mm.
Matul ir-rebbiegħa meteoroloġika tkejlu ftit aktar minn 717-il siegħa ta’ xemx, totali li kien aktar baxx min-norma staġjonali ta’ kważi 785 siegħa.
U filwaqt li kemm Marzu u anke April kienu aktar mirjieħa milli mistennija, Mejju ġab miegħu temp aktar kalm, b’veloċità medja tar-riħ daqs in-norma klimatika ta’ 8.8 knots. L-aktar buffura qawwija tal-istaġun kienet tkejlet f’Marzu- qawwa ta’ 47 knots mix-Xlokk il-Lvant.