Lokali

Jingħata bidu għall-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-PN

Għaddejja ġmielha l-Maratona Ġbir ta’ Fondi li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali sabiex ikompli jissaħħaħ il-messaġġ li jwassal il-Partit.

Maratona li matulha, il-Partit Nazzjonalista qiegħed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jesprimi l-appoġġ kollu tiegħu, inkluż b’forma finanzjarja sabiex il-ħidma li għandha ssir, issir aħjar u bl-aktar modi possibbli..għal ġid tad-demokrazija u ta’ pajjiżna.

Fil-ftuħ tal-Maratona is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino appella għall-ġenerożita ta’ kulħadd sabiex il-Partit ikompli jissaħħaħ u l-messaġġ jasal.

Huwa insista li l-Partit jinsab wiċċ imb’wiċċ ma’ sfida finanzjarja li ċertament flimkien nistgħu naffrontawha bil-Partit Nazzjonalista joħroġ minn din is-sitwazzjoni b’suċċess anke permezz ta’ numru ta’ riformi.

Michael Piccinino saħaq li l-ħidma qed tissokta f’diversi strutturi tal-Partit Nazzjonalista sabiex inħarsu ‘l quddiem lejn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.

Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-Partit Nazzjonalista għandha għaddejja sas-sigħat ta’ filgħaxija b’xandira diretta kemm fuq Net Television kif ukoll fuq NET FM.