Lokali Turiżmu

L-MTA taqbeż il-budget ta’ sena b’€20 miljun

Flejjes jintefqu bl-addoċċ minn but il-poplu fuq avvenimenti, sponsors u lussu.

Din hija s-sitwazzjoni fi ħdan l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu hekk kif l-MTA marret overbudget b’madwar 20 miljun ewro bil-Gvern għad irid iħallas il-kredituri.

Sorsi qrib il-ġurnal Times of Malta saħqu li l-MTA qed tbassar li tiżboq il-budget allokat ta’ sena, jiġifieri 108 miljun ewro….b’21 miljun ieħor.

Is-sorsi komplew jispjegaw li l-Awtorità talbet formalment biex jiżdidulha l-fondi biex tħallas id-djun li għandha …madanakollu s’issa dan għadu ma ġiex approvat, filwaqt li l-kju tal-kredituri qed jiżdied.

Dan filwaqt li intqal li l-għola uffiċjali fi ħdan il-Gvern ma jistgħux jifmhu kif l-ispejjeż sparaw daqshekk ‘il fuq – bil-Prim Ministru Robert Abela jidher li jinsab konxju tas-sitwazzjoni.

Il-Ministru Clayton Bartolo, li wara l-elezzjoni ġenerali reġa’ ġie kkonfermat mill-istess Abela bħala Ministru tat-Turiżmu, mistenni jindirizza din is-sitwazzjoni fil-jiem li ġejjin f’diskors fil-Parlament.

Fost diversi affarijiet li għad irid jindirizza u jwieġeb għalihom Bartolo hija kemm ġiet tiswa s-serata tal-Malta Film Awards – domanda li sal-lum il-ġurnata….xhur wara dan l-avveniment, Bartolo li bħala professjoni huwa accountant….għadu qed jaħrab.

Sorsi qrib l-MTA saħqu li parti mill-ispiża ċertament li marret biex tħalsu l-pagi tal-ħaddiema li ddaħħlu fl-ajruport waqt l-eqqel tal-pandemija sabiex għamlu xogħol relatat mat-testijiet tal-COVID madanakollu żgur, komplew jispjegaw, li l-ispejjeż ma laħqux dawn l-għexieren ta’ miljuni tal-ewro.

L-istess sorsi saħqu mal-ġurnal li l-ispejjeż intefqu wkoll fuq vjaġġi barra minn Malta, akkomodazzjonijiet  lussużi, divertiment għall-istaff kif ukoll avvenimenti esaġerati organizzati mill-istess MTA.

Ġie spjegat ukoll li saħansitra uħud mill-istaff tal-MTA qagħdu f’lukandi lussużi lokali, bi spejjeż ta’ but il-poplu, waqt ċertu avvenimenti organizzati mill-istess awtorità – fost oħrajn l-attrazzjoni tal-Milied tal-Fairyland…avveniment li kien organizzat fil-Belt Valletta.

Għaldaqstant Robert Abela u Clayton Bartolo huma issa mistennija li jwieġbu dwar kif qed jintefqu u fejn qed imorru flus il-poplu…u min se jkun qiegħed jerfa’ ir-responsabbiltà ta’ dan it-tberbieq kollu….jew, bħal kull ħaġa oħra fl-aħħar xhur u snin….kollox se jkun qiegħed jgħaddi mal-oħrajn.