Futbol Sport

Rebħa minima għal Malta f’partita emozzjonanti għall-plejers Maltin

(Ritratt: MFA)

MALTA …………….. 1

SAN MARINO ……. 0

Malta: H.Bonello, F.Apap (J.Borg 78’), E.Pepe, Z.Muscat, J.Mbong, M.Guillaumier, B.Paiber (D.Vella 78’), R.Camenzuli, T.Teuma, L.Gambin (J.Degabriele 71’), L.Montebello,

San Marino: E.Benedettini, M.Palazzi, D.Rossi, F.Fabbri, A.D’Addario (T.Zafferani 79’), L.Lunadei (M.Vitaioli 85’), M.Battistini, D.Tomassini (M.Mularoni 61’), A.Grandoni (D.Rinaldi 61’), L.Ceccaroli (A.Hirsch 79’), N.Nanni

Referee: Dennis Higler

Fl-Istadium Nazzjonali it-tim nazzjonali Malti kiseb rebħa ta’ 1-0 fuq San Marino biex b’hekk se jibqa’ fiċ-ċans li jikseb promozzjoni fil-UEFA Nations League, b’rebħa fuq l-Estonja fl-aħħar partita. Qabel il-partita ingħatat tislima xierqa lil eks kit manager tat-tim Malti Mark Piscopo “Il-Lullu”, li tilef il-battalja mal-kanċer aktar kmieni din il-ġimgħa.

Il-Maltin ikkontrollaw il-partita mill-bidu sat-tmiem b’San Marino ftit li xejn ikunu perikolużi. Fid-29 minuta minn pass ta’ Brandon Paiber, kien Teddy Teuma li niżżel tajjeb u sab lil Luke Montebello li mill-viċin xeħet għoli mil-lasti ta’ San Marino. Minuta wara minn cross ta’ Ryan Camenzuli kien Joseph Mbong li daħal tajjeb iżda l-volley tiegħu għadda ftit barra. Fil-50 minuta t-tim Malti jmur fil-vantaġġ meta minn cross ta’ Ryan Camenzuli kien Zach Muscat li bir-ras daħal tajjeb u xeħet il-ballun fix-xibka.

Fi-62 minuta il-Maltin ħasbu li rdoppjaw meta minn corner mix-xellug id-difensuri ta’ San Marino naqqsu milli jbiegħdu l-periklu, b’Luke Montebello japprofitta u jixħet fix-xibka għal 2-0. Madanakollu il-gowl ma kienx ikkonvalidat minħabba pożizzjoni ta’ offside, wara konsultazzjoni mal-VAR. Fid-69 minuta Joseph Mbong daħal tajjeb fil-kaxxa bil-konkliżjoni tiegħu tkun salvata tajjeb mill-goalkeeper Elia Benedettini.

Fit-72 minuta minn cross ta’ Joseph Mbong daħal tajjeb Teddy Teuma bir-ras iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet mdawwra f’cornet mill-goalkeeper ta’ San Marino.