Il-Musulmani Britanniċi li qegħdin jittamaw li jagħmlu l-pellegrinaġġ ta’ kull sena lejn Mekka qegħdin jissugraw li jitilfu l-eluf ta’ liri Sterlina wara li l-Gvern tal-Arabja Sawdija inforza sistema ta’ booking bil-mezzi online.
Id-devoti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, iridu bilfors jużaw websajt partikulari biex jirreġistraw l-interess tagħhom li jmorru f’Mekka għar-ritwal tal-Hajj. Dan meta l-Hajj hu fost l-akbar avvenimenti għall-Musulmani tad-dinja b’Musulman li jaffordja l-vjaġġ għandu l-obbligu li jagħmel dan il-pellegrinaġġ.
Madankollu sar magħruf li ħafna Musulmani Britanniċi għandhom jispiċċaw diżappuntati peress li n-nies li jistgħu jsiefru biex jattendu l-Hajj ta’ din is-sena se jkunu deċiżi minn polza li għandha ssir fil-ġranet li ġejjin.
F’din is-sitwazzjoni numru ta’devoti li bbukkjaw diġà mat-tour operators tal-Hajj kapaċi jitilfu flushom b’riżultat tad-direttiva mill-Gvern Sawdi.
L-ispiża tal-pellegrinaġġ li għandu jsir darba fil-ħajja ta’ kull Musulman tvarja bejn 6,000 u aktar minn 10,000 Sterlina u meta ħafna Musulmani jdumu s-snin iġemmgħu għal dan il-vjaġġ.
Minbarra s-sitwazzjoni preokkupanti għall-Musulmani Britanniċi li ħallsu l-flus diġà, l-aġenti tal-ivvjaġġar fir-Renju Unit li jispeċjalizzaw fit-tours għall-Hajj huma wkoll inkwetati li se jmorru ħażin ħafna minħabba t-telf finanzjarju inevitabbli fiċ-ċirkustanzi.
–
//= $special ?>