Aktar kmieni dan ix-xahar daħlu fis-seħħ żewġ promozzjonijiet oħra direttament minn Robert Abela – żewġ promozzjonijiet sfaċċati li magħhom iġorru wkoll pakkett finanzjarju li f’kull każ jaqbeż sew il-€100,000 fis-sena.
Il-Brigadier Jeffrey Curmi, li lura għall-ewwel leġiżlatura mmexxija minn Joseph Muscat kien ingħata erba’ promozzjonijiet f’temp ta’ ftit ġimgħat, issa ngħata r-rwol ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. Dan ir-rwol daħal b’effett miit-Tnejn 6 ta’ Ġunju 2022.
Id-Deputat Kmandant tal-Armata Mark Mallia, li lura wkoll għall-ewwel leġiżlatura mmexxija minn Joseph Muscat kien ingħata numru ta’ promozzjonijiet biex sab ruħu fit-Tmexxija tal-Armata, ukoll ingħata promozzjoni u issa nħatar Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta. Dan ir-rwol daħal fis-seħħ fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li din id-darba hu Robert Abela direttament li qed jagħmel inġustizzja diretta ma’ dawk l-impjegati li ġew maqbuża sfaċċatament kemm fir-rigward ta’ Transport Malta u anki fil-konfront ta’ Identity Malta.
Għaliex fiż-żewġ każijiet jidher li kien hemm numru ta’ persuni li kienu direttament interessati f’dawn ir-rwoli, anki għaliex immilitaw u servew fi Transport Malta jew f’Identity Malta għal bosta snin u għalhekk għandhom l-esperjenza biex jaqdu dawn il-funzjonijiet.
Iżda għal darb’oħra Kastlija ġiet taqa’ u tqum minn kull seniority u minflok għażlet li tkompli taġevola lil dawn iż-żewġ persuni li huma meqjusa midħla sew ta’ ċerti ċrieki u fl-istess ħin tagħtihom ukoll pakkett finanzjarju ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro.
Iżda dawk li tkellmu ma’ Il-Mument żvelaw magħna li moħbija wara dawn iż-żewġ karigi hemm eżerċizzju ta’ tindif u tiknis kemm fir-rigward ta’ Transport Malta u anki fil-konfront tal-Aġenzija Identity Malta.
Jirriżulta li kemm fi Transport Malta u anki f’Identity Malta hemm brimb kbir li jrid ikun indirizzat, b’numru ta’ persuni jġorru magħhom allegazzjonijiet ta’ tixħim u korruzzjoni tant li fis-snin li għaddew jidher li finanzjarjament kienu qed idabbruha tajjeb.
Kastilja tidher li taf tajjeb b’dawn l-allegazzjonijiet iżda sa issa qatt m’għamlet xejn b’mod konkret biex tindirizza kemm l-abbużi li twettqu fi Transport Malta u wisq inqas dawk f’Identity Malta.
Skont is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument jidher li dan se jkun l-impenn prinċipali ta’ Jeffrey Curmi fi Transport Malta u dak ta’ Mark Mallia f’Identity Malta. Naturalment iż-żmien jagħtina parir dwar kemm din il-ħidma se tkun ta’ suċċess, inkella jekk każijiet ta’ ċerti persuni tal-qalba humiex se jintefgħu taħt it-tapit, iżda oħrajn ta’ ‘ħut żgħir’ ikunu mkabbra biex taparsi qed isir xi ħaġa!
Hemm min qed jinterpreta dawn iż-żewġ promozzjonijiet sfaċċati lil żewġ persuni li m’għandhom l-ebda esperjenza jew kwalifiċi la fi Transport Malta u anqas f’Identity Malta, bħala r-ringrazzjament ta’ Robert Abela għall-ħidma li saret qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet biex inħarġu xejn inqas minn 800 promozzjoni fl-Armata… eżerċizzju li kien hemm min interpretah bħala wieħed dirett ta’ xiri tal-voti!
//= $special ?>