Internazzjonali

Stati Uniti: Dimostrazzjonijiet għall-kontroll aħjar tal-armi f’idejn il-poplu

Fl-Istati Uniti għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti attendew għal rallies madwar il-pajjiż biex jinsistu għal liġijiet aktar stretti li jindirizzaw il-pussess tal-armi tan-nar fost il-poplu.

Id-dimostrazzjoni saret wara żewġ sparaturi li ħallew numru sinifikanti ta’ mejtin ftit ġranet biss ‘il bogħod minn xulxin. Intant, il-President Amerikan Joe Biden ta l-appoġġ tiegħu lill-protesti fejn sejjaħ biex il-Kungress jgħaddi leġislazzjoni għas-sigurtà tal-armi effettiva  madwar il-pajjiż. Madankollu hemm kull indikazzjoni li l-membri Repubblikani fil-Kungress għandhom jostakolaw dan it-tip ta’ leġislazzjoni.

Fl-24 ta’ Mejju nqatlu 19 il-tfal u żewġ adulti meta żgħażugħ daħal fi skola ta’ Texas u beda jispara lejn kulmin inzerta quddiemu, Dan l-attakk sar ftit jiem biss wara sparatura simili f’Buffalo, fi New York, li fiha tilfu ħajjithom għaxar persuni,

Fl-aħħar sigħat, il-grupp March For Our Lives — li hu grupp favur is-sigurtà kontra l-armi tan-nar – qal li kellhom isiru l-mijiet ta’ rallies għal regoli li jevitaw dawn l-isparaturi fi bliet prinċipali bħal Washington, New York, Los Angeles u Chicago.

Il-kelliema għall-grupp qalu li taħt l-ebda ċirkustanzi mhuma se jħallu lill-politiċi Amerikani jibqgħu lura minn azzjoni li tindirizza sitwazzjoni fejn qegħdin imutu l-għexieren tan-nies innoċenti.