Janet Richard, Claire Azzopardi u l-kwartett tar-relay tan-nisa kisbu t-tliet midalji tad-deheb għal Malta fil-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika li saru f’pajjiżna matul il-jum tas-Sibt.
Kienet wirja qalbiena għat-Tim Malti li kien rappreżentat b’taħlita żagħugħa u ta’ esperjenza li kollha kkontribwew bi prestazzjonijiet b’saħħithom li fissru biex Malta temmet fit-tieni post fil-klassifika ġenerali b’total ta’ 110 punti. Ċipru kiseb l-akbar ammont ta’ punti – 117. Il-Moldova temmet it-tielet b’99 punt.
L-ewwel midalja tad-deheb waslet minn Janet Richard fl-400m. L-isprinter żagħżugħa Maltija rebħet b’ħin ta’ 55.12s fejn għelbet l-isfida tal-Armena Gayane Chiloyan (55.64) minkejja li din tal-aħħar wettqet l-aqwa ħin staġjonali tagħha. Anna Berghii tal-Moldova spiċċat it-tielet.
Fl-400metru wkoll Martha Spiteri rebħet il-heat tagħha f’ħin ta’ 58.29 li wkoll fisser personal best għaliha. Fost l-irġiel, Matthew Galea Soler spiċċa s-seba’ post b’ħin ta’ 49.33s.
L-aħħar midalja tad-deheb waslet proprju fl-aħħar tellieqa tal-ġurnata fir-relay meta Claire Azzopardi, Carla Scicluna, Charlotte Wingfield u Richard irreġistraw prestazzjoni mill-aqwa biex daħlu l-ewwel f’ħin ta’ 2.10.37 quddiem il-Moldova u l-Iżlanda fost l-entużjażmu tal-pubbliku preżenti. Relay eċċellenti anke għall-irġiel meta Steve Camilleri, Beppe Grillo, Matthew Galea Soler u Ben Micallef rebħu l-fidda b’ħin ta’ 1.55.84 wara l-Moldova.
//= $special ?>