Lokali

Xhieda xokkanti minn eks uffiċjal tal-ħabs fil-Qorti mingħajr ebda passi

L-aħbar tat-tluq f’Diċembru li għadda u b’mod definit ta’ Alexander Dalli minn Direttur tal-Ħabs ta’ Kordin u dik simili reċentement ta’ Randolph Spiteri minn Kap tal-Amministrazzjoni u l-Operat tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ġabu reazzjonijiet pożittivi u ta’ solliev fost Uffiċjali tal-Ħabs li stqarrew ma’ Il-Mument li fl-aħħar snin u xhur li jirrapportaw għax-xogħol fil-Ħabs kien ifisser għalihom sitwazzjoni diffiċli… “toqla fl-istonku”.

Sadattant matul din il-ġimgħa komplew joħorġu fil-Qrati aktar stejjer xokkanti fil-konfront tat-Tmexxiija tal-Ħabs, u, din id-darba, b’mod partikulari dwar Randolph Spiteri.

Bil-ġurament fil-Qorti din il-ġimgħa kien allegat li fir-rigward tal-każ sensittiv ta’ Clint Axisa, id-Direttur tal-Infurzar ta’ Transport Malta li jinsab akkużat dwar fastidju sesswali fuq żewġ impjegati fl-istess Transport Malta, Randolph Spiteri allegatament għamel minn kollox biex iwaqqa’ dan il-każ.

Ħareġ fil-Qorti kif Randolph Spiteri saħansitra ċempel lil raġel ta’ waħda mill-vittmi u qallu li jkun aħjar li kieku jikkonvinċi lil martu biex twaqqa’ l-każ. Fil-Qorti x-xhud spjega li hu ma qabilx u Randolph Spiteri, wara li rah li ma kienx kalm dak il-ħin, qallu biex iċempillu aktar tard meta jikkalma u biex ma jħallux l-affarijiet jiskalaw.

Ir-raġel tal-allegata vittma qal li hu mill-ewwel kien ċempel lil mara tiegħu, li ma qablitx li twaqqa’ l-każ, kif wara kollox ma qabilx hu wkoll bħala żewġha. Wara li qata’ minn mal-mara, ix-xhud qal li kien ċempel lil Randolph Spiteri u qallu biex jinsa kollox.

Uffiċjali tal-Ħabs li nhar il-Ħamis tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li dawn huma tassew affarijiet tal-mistħija li jiġru minn kwalunkwe uffiċjal tal-Ħabs, aħseb u ara minn persuna li tokkupa r-rwol ta’ Kap tal-Amministrazzjoni u l-Operat tal-Ħabs.

Huma qalulna li anki fuq din l-allegazzjoni serja biss, il-Ministru Byron Camilleri għandu jibgħat messaġġ ta’ ftit serjetà u jdabbar ras Randolph Spiteri, issa mhux minn xi kariga fil-Ħabs, iżda minn kwalunkwe rwol ieħor fl-istess Ministeru tal-Intern.

Għax Randolph Spiteri, wara li ntemmlu r-rwol tiegħu fil-Ħabs, spiċċa ngħata impjieg ieħor fil-Ministeru tal-Intern… liema rwol ġdid il-Ministru Byron Camilleri għadu jirrifjuta li jagħti dettalji dwaru.

“Imsieken dawk il-kollegi li qed ikollhom jiffaċċjaw lil Randolph Spiteri,” qalilna bi tbissima wieħed mill-Uffiċjali tal-Ħabs li tkellem magħna u li żied jgħid li taħt it-Tmexxija tal-koppja Alexander Dalli-Randolph Spiteri, l-affarijiet fil-Ħabs spiċċaw karatterizzati minn tensjoni kbira u drama kontinwa.

“Li tqum filgħodu u trid tmur għax-xogħol b’toqqla kbira fl-istonku diġà hi xi ħaġa kerha hekk kif tkun għadek ma bdejtx il-ġurnata tax-xogħol tiegħek. Aħseb u ara li jkollok tiġi għax-xogħol u ssib lill-kollegi tiegħek bil-geddum u bin-nervi, lill-priġunieri jilmentaw u lil persuni oħrajn li joffru xi forma ta’ servizz fil-Ħabs b’idhom marbuta għax kollox kien ġej mid-Direttur jew mill-filjozz tiegħu,” qalilna dan l-Uffiċjal.

Hu kompla li kien hemm Uffiċjali tal-Ħabs li tkellmu u marru jitkellmu fejn suppost. Ma ddejqux joħorġu għonqhom ma’ terzi biex ifissru s-sitwazzjoni dejjem tiddeġenera fil-Ħabs. Ċioè biex juru d-dwejjaq tagħhom li l-affarijiet ma kenux mexjin tajjeb u li l-atmosfera ta’ tensjoni kulma jmur kienet qed tiżdied litteralment minn jum għall-ieħor.

“Għaliex trid tkun qed taħdem hawnhekk biex tifhem dak li konna għaddejjin minnu. Tisbit. Uniformi militari. Penzijiet għal tal-qalba. Għajjat u dgħar u kliem mhux xieraq. Theddid. Siġġu tal-injam biex jintuża bħala umiljazzjoni. Priġunieri kkastigati f’ċelel bla dawl u bla mitraħ. Priġunieri magħluqa f’ċelel għal numru ta’ ġranet. Ċelel oħrajn imballati bil-priġunieri… Lista twila interminabbli.

“B’dan kollu u ferm aktar konna infurmajna lil min imexxi fil-Ministeru tal-Intern bit-tama li jwassal kollox lill-Ministru. Iżda kienu jgħidulna li l-affarijiet se jitranġaw. Meta konna nistaqsu meta, it-tweġiba kienet tkun li se jitranġaw. Konna qtajna qalbna li l-affarijiet jitranġaw għaliex imbagħad konna sirna nafu wkoll li kollox kien qiegħed jinżamm minn Kastilja.

“Ma nafux x’interess kellu l-Prim Ministru f’Kastilja li jħalli dawn l-atroċitajiet kollha jseħħu fil-Ħabs ta’ Kordin. Erbatax-il persuna mejta. Bosta minnhom priġunieri li qatlu lilhom infushom. Oħrajn ippruvaw imma ma rnexxilhomx. U sadattant min kien fit-Tmexxija tal-Ħabs baqa’ intatt. Mhux bilfors li taqta’ qalbek?” kompla jgħidilna dan l-Uffiċjal tal-Ħabs b’dieqa kbira fuqu.

“Aħna nneħħu l-kappell għall-fatt li żdiedet id-dixxiplina u għall-fatt li naqset id-droga. Iżda mbagħad nirribellaw għall-mod kif kienu jsiru l-affarijiet fl-agħar forma immaġinabbli li tista’. L-invenzjoni tas-siġġu tal-kastig hi eżenpju fost ħafna oħrajn. Dawn x’affarijiet huma? L-istedin għall-ġlied lil dak u lill-ieħor. Aħna konna nħarsu lejn xulxin u nistaqsu: imma possibbli?”

Uffiċjal ieħor tal-Ħabs qalilna li kienu xebgħu jaraw nies mejta jew f’kundizzjoni kritika ħafna jinħarġu miċ-ċella tagħhom. U kemm familjari kienu jġibu l-ikel lill-qraba tagħhom u l-ikel jinġieb pesta? Għaliex dawn it-tbatijiet kollha meta priġunier diġà hu mċaħħad mil-libetà. U kemm priġunieri spiċċaw imtellfa ż-żjara li kellhom? Għaliex?

“Issa, kif diġà tkellimna magħkom xi ftit ġimgħat ilu, nawguraw li din hi storja tal-passat u li l-affarijiet taħt it-Tmexxija tad-Direttur il-ġdid ikomplu jitjiebu għall-ġid tagħna l-Uffiċjali tal-Ħabs u tal-priġunieri li wkoll iridu jgħixu ’l bogħod mill-familjari tagħhom u mis-soċjetà.

“Jalla l-affarijiet ikomplu jinbidlu għat-tajjeb. L-atmosfera fil-Ħabs diġà hi ferm aħjar. Aħna nawguraw li min ġej fir-rwol ta’ Kap tal-Amministrazzjoni jkun bniedem uman u ta’ dixxiplina, serju u integru.” Mistoqsija jekk sarux jafu x’inhi r-raġuni vera wara t-tluq ta’ Randolph Spiteri mill-Ħabs ta’ Kordin, l-Uffiċjali tal-Ħabs li tkellmu magħna qalulna li qed jingħadu numru ta’ spekulazzjonijiet. “Qed jingħad li priġunier għamel rapport formali lill-Pulizija b’allegazzjonijiet dwar għemil ħażin. Min-naħa tiegħu Randolph Spiteri qed jiċħad li qed ikun investigat dwar xi għemil ħażin.

“Jalla li l-Pulizija, jekk il-każ spiċċa quddiemha, tinvestiga tassew b’serjetà. Jalla l-verità toħroġ għaliex ħadd m’għandu xi dritt jigdeb dwar xi ħadd u min-naħa l-oħra, jekk xi ħadd tassew wettaq xi għemil ħażin, allura għandha ssir ġustizzja miegħu.”

L-Uffiċjali tal-Ħabs żiedu jgħidu li iżda kien stramb ħafna kif ħabta u sabta Randolph Spiteri qata’ l-preżenza tiegħu mill-Ħabs. Sa naqas milli jattendi għaċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ Uffiċjali tal-Ħabs ġodda. “Qal li kien bil-leave. Anzi l-ewwel ċaħad li kien fuq leave twil. Imbagħad ipprova jiġborha billi qal li jinsab bil-leave għax għandu dritt jieħu l-leave tiegħu! U minn dakinhar sal-lum baqa’ ma tfaċċax. Probabbilment li issa jitfaċċa biss biex jieħu l-oġġetti personali tiegħu.”

Dawn l-Uffiċjali tal-Ħabs temmew juru s-sodisfazzjon tagħhom għall-kliem imlissem minn Christopher Siegersma, il-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri, li meta mistoqsi dwar l-allegati abbużi minn Randolph Spiteri qal li l-Uffiċċju tiegħu jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet u l-benesseri tal-priġunieri, filwaqt li jinvestiga kull allegazzjoni li tasal għandu.

Christopher Siegersma kompla li fejn ikun meħtieġ, l-investigazzjonijiet jiġu mgħoddija lill-Pulizija jew lil xi awtorità oħra kompetenti.

L-Ufiċjali tal-Ħabs temmew juru l-apprezzament tagħhom għall-istedina ta’ Christopher Siegersma li ħeġġeġ lill-priġunieri biex iħossuhom liberi li jirrappurtaw kwalunkwe allegat inċident fil-konfront tagħhom direttament lill-Pulizija.

“Jekk il-priġunieri jilqgħu dik l-istedina… allura l-Pulizija għandha tistenna numru mhux ħażin ta’ rapporti!”