Lokali Turiżmu

Clayton Bartolo ma jwieġeb xejn dwar il-miljuni li tajru fl-MTA

Overbudget b’madwar 20 miljun ewro.

Miljuni…illi qed jintefqu bl-addoċċ minn flus il-poplu fuq avvenimenti, sponsors u affarjiet oħra ta’ lussu….bil-Gvern għad irid iħallas il-kredituri, u bl-MTA qed tbassar li tiżboq il-budget allokat ta’ sena, jiġifieri 108 miljun ewro….b’21 miljun ieħor.

Net News it-Tnejn waranofsinhar għamel tentattiv li jsaqsi lill-Ministru responsabbli minn din l-entità, Clayton Bartolo, iżda dan naqas milli jwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti. Biex b’hekk il-Gvern ghadu qed izomm skiet totali dwar dan l-iskandlu ta’ miljuni kbar li ntefqu mill-MTA.

Riedna nsaqsu wkoll lill-Ministru Bartolo dwar jekk hemmx investigazzjoni għaddejja b’rabta ma’ dawn l-ispejjeż… iżda l-Ministru għaddas rasu u baqa’ dieħel fil-Parlament mingħajar ma indirizza lil ħadd.

Fl-aħħar ġimgħat, l-MTA talbet formalment biex jiżdidulha l-fondi ħalli tħallas id-djun li għandha. Madanakollu s’issa, dan il-budget addizzjonali għadu ma ġiex approvat, filwaqt li l-kju tal-kredituri qed jiżdied.

Nies li ilhom snin twal fiċ-ċivil ma jistgħux jifmhu kif l-ispejjeż tal-MTA sparaw daqshekk ‘il fuq – bil-Prim Ministru Robert Abela jidher li jinsab konxju tas-sitwazzjoni.

Dwar din l-istorja bosta sorsi qrib l-MTA saħqu li parti mill-ispiża ċertament li marret biex tħalsu l-pagi tal-ħaddiema li ddaħħlu fl-ajruport waqt l-eqqel tal-pandemija sabiex għamlu xogħol relatat mat-testijiet tal-COVID. Madanakollu żgur dawn li l-ispejjeż partikolari ma laħqux dawn l-għexieren ta’ miljuni tal-ewro.

L-istess sorsi saħqu mal-ġurnal li l-ispejjeż intefqu  fuq vjaġġi barra minn Malta, akkomodazzjonijiet  lussużi, divertiment għall-istaff kif ukoll avvenimenti esaġerati organizzati mill-istess MTA – budget li mar żmerċ b’xejn anqas minn 20 miljun ewro.